Saturday, September 20, 2025

International Challenge Cup: Malta tirbaħ f’logħba eċċitanti kontra l-Iskozja

Aqra wkoll

Fit-tieni logħba li t-tim Malti tas-Snooker li qiegħed jieħu sehem fl-International Challenge Cup f’Dunkerque fi Franza rebaħ kontra l-Iskozja b’punteġġ ta’ 14-13, f’logħba li żammet lil kulħadd fuq ix-xwiek sal-aħħar boċċa sewda sa l-aħħar frame tal-kategorija Masters.

F’din il-kompetizzjoni l-ewwel logħbiet li jintlagħbu jkunu mill-kategorija tal-Irġiel u dawk tal-Juniors. Sa hawnhekk Malta bniet vantaġġ li kien rkuprat mill-veterani Skoċċiżi saħansitra li meta kienet jonqos l-aħħar frames tal-aħħar żewġ logħbiet tal-Masters huma kienu 13-12 minn fuq.

Fil-kategorija tal-irġiel l-erba’ plejers Maltin, Chris Peplow, Joseph Casha, Isaac Borg u John Farrugia kollha rebħu bi skor identiku ta’ 2-1 kontra Robert Carlisle, Ross Vallance, Gavin Gillespie u Craig MacGillivray rispettivament. Fil-kategorija tal-Juniors, Xavier Rizzo, tilef bil-punteġġ ta’ 2-1 kontra Ayaan Iqbal fejn l-aħħar frame kien ikkaraterizzat minn żewġ breaks fuq 50 punt. Il-Malti, Rizzo, fetaħ b’saħħtu bi break ta’ 52 punt iżda ż-żagħżugħ Skoċċiż irrisponda bi break ta’ 71 biex għalaq il-konfront.

Mill-kategorija Masters, Tony Mifsud tilef 3-0 kontra Craig Barber filwaqt li Arthur Cachia ġie megħlub, 2-1, kontra Lee McAllister b’hekk il-logħba kienet trid tiġi deċiża mill-aħħar żewġ logħbiet li kienu għadhom qed jintlagħbu minn Philip Ciantar u Frans Mintoff li wara l-ewwel żewġ frames iż-żewġ l-logħbiet rispettivi kienu fi draw ta’ 1-1.

Philip Ciantar kontra l-Skoċċiż Paul Cairns fit-tielet u l-aħħar frame bena vantaġġ tajjeb biex rebaħ il-konfront 2-1 filwaqt li Frans Mintoff fil-parti inizjali bena vantaġġ ta’ 20 punt iżda l-avversarju tiegħu, Paul Shanks, meta kien jonqos biss l-aħħar żewġ kuluri ġab il-punteġġ parzjali għal 31 b’31. Kien l-Skoċċiż li għamel il-boċċa r-roża iżda naqas milli jagħmel is-sewda wkoll. Wara xi kolpi difensivi Mintoff ġie f’pożizzjoni idejali li jirbaħ l-aħħar seba’ punti biex jerġa jdawwar il-vantaġġ favur Malta. Fil-fatt bil-kalma kollha huwa ma falliex milli jippottja l-aħħar sewda f’wieħed mill-pockets tan-nofs biex Malta kisbet ir-rebħa ta’ 14 bi 13.

Żewġ logħbiet oħra tat-tieni ġurnata ta’ din l-edizzjoni tal-I.C.C. kellhom punteġġ finali identiku fejn Irlanda ta’ Fuq tilfu kontra r-Repubblika Irlandiża iżda wara nofsinhar rebħu lil Franza b’dan l-iskor minimu. Fl-aħħar konfront tat-tieni jum ta’ dan it-tournament li ġie fi tmiemu tard filgħaxija, l-Iskozja kellhom rebħa konvinċenti ta’ 16-11 kontra c-champions renjanti tar-Repubblika Irlandiża.

Wara t-tieni jum ta’ kompetizzjoni meta kull pajjiż, ħlief Malta, lagħab tliet l-logħbiet il-klassifika proviżorja tinsab hekk; l-Iskozja fil-quċċata b’47 frame, it-tieni Franza b’44 frame, it-it-tielet ir-Repubblika Irlandiża b’37 frame, ir-raba’ l-Irlanda ta’ Fuq b’36 frames filwaqt li Malta, li lagħbet logħba anqas minn kulħadd, tinsab fil-ħames post b’25 frame.

Is-Sibt, fit-tielet u l-aħħar jum ta’ dan it-tournament, Malta trid tilgħab kontra Irlanda ta’ Fuq u aktar tard kontra r-Repubblika Irlandiża. Il-logħba l-oħra ser tkun bejn iż-żewġ pajjiżi li jinsabu fuq quddiem tal-klassifika, l-Iskozja u l-pajjiż li qed jospita’ din l-edizzjoni, Franza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport