Sunday, December 22, 2024

Intervista lill-infermier fiċ-Ċentru Detox Joe Caruana

Aqra wkoll

Miktub minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat- Tfal (MFCS). 

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali hija l-aġenzija nazzjonali għas-servizzi soċjali f’Malta u Għawdex. Din il-Fondazzjoni toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam.

Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 900 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn.

L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179 u 1772 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettal ma’ Joe Caruana li huwa infermier fiċ-Ċentru Detox dwar il-karriera tiegħu fil-Fondazzjoni. 

X’ħajrek biex tagħżel karriera fis-settur tas-saħħa? 

Niftakar meta kont fl-aħħar sena skolastika tiegħi fil-form 5 kelli f’moħħi mmur is-sixth form u nfatti ġibt l-O levels li kelli bżonn. Però kien hemm ħabib tiegħi fl-istess klassi li fis-sajf kien daħal jistudja dak iż-żmien fin-nursing school u kien ħajjarni biex nagħmel l-istess. Minn hemm ma ħaristx lura u bdejt il-kors biex iggradwajt bħala infermier. 

Fiex kien jikkonsisti t-taħriġ biex inti stajt twettaq ix-xogħol tiegħek fid-Detox? 

Meta ggradwajt l-ewwel xogħol tiegħi kien fl-isptar San Luqa fejn wara erba’ snin kien hemm post vakanti d-Detox u niftakar kont kellimt lit-tabiba Maria Sciberras li xtaqt napplika u kienet aċċettat.

Bdejt fis-sena 1990 u biex ngħid kollox dak iż-żmien ma tantx kien jeżisti taħriġ u t-tagħlim li ħadt kollu tgħallimtu mill-impjegati l-oħrajn u mit-Tabiba Sciberras innifisha. Peress li dak iż-żmien it-taħriġ ma kienx intensiv jien tgħallimt ħafna mill-esperjenza tax-xogħol ta’ kuljum. Bħal kull xogħol ieħor l-esperjenza ġġibha bil-ħidma kontinwa ta’ kuljum. 

Taħseb li bil-kors li għamilt biss, tkun lest tindirizza l-problemi li tiltaqa’ magħhom? 

Il-kors li ħadt fin-nursing school kien ġenerali għall-aħħar u kien jismu ‘Medicine & Surgery’. Bħala esperjenza ta’ xogħol niftakar kienu jibgħatuna fi swali differenti kull xahar fl-isptarijiet kollha, però nammetti li taħriġ dwar vizzji ma kienx jeżisti. Trid tgħid ukoll li d-Detox fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 1987, jiġifieri tliet snin qabel bdejt jien u dak iż-żmien ma tantx kien hemm għarfien dwar is-suġġett għax kien ċentru totalment ġdid għal pajjiżna. 

Kif tkun il-ġurnata tipika ta’ Infermier fid-Detox? 

Il-ġurnata tibda billi jinfetaħ id-Detox fil-5.30am minħabba l-fatt li ħafna klijenti jiġu qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom biex jieħdu l-methadone. L-ewwel sagħtejn ix-xogħol jikkonsisti fit-tqassim tal-methadone, trattament ieħor ta’ pilloli u tqassim ta’ mediċini oħrajn. Il-ġurnata tkompli billi tibqa’ tingħata l-methadone sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.

B’danakollu minn filgħodu jibdew ġejjin il-pazjenti jew klijenti li jkollhom l-appuntamenti mat-tobba jew mal-psikjatra. Kull xahar ikollna madwar 800 persuna differenti fejn ta’ kuljum jiġu madwar 650 għall-methadone għax dawk il-150 li fadal huma klijenti li jibbenefikaw minn trattament ieħor bħal pilloli. 

Kif tindirizza każijiet diffiċli? 

Il-każijiet diffiċli jiġu ndirizzati minn tim li għandu esperjenza vasta. Bosta drabi din l-esperjenza ssarraf biex jiġu ndirizzati f’qasir żmien il-problemi li niltaqgħu magħhom bl-aħjar mod possibbli. Avolja l-impjegati attendew għal diversi korsijiet u studju dwar is-suġġett b’danakollu ntenni li l-esperjenza hija kruċjali biex inkunu nistgħu ngħinu lil dawn in-nies minn problemi diffiċli.

Bosta drabi klijenti li ilhom jieħdu s-servizzi tad-Detox għal ħafna snin, ifittxu impjegati li ilhom jaħdmu hawn biex jindirizzaw il-problemi li jkun għaddejjin minnhom. Hawnhekk ħafna drabi tittrabba bħal rabta bejn il-klijent mat-tabib jew mal-infermier. Għalkemm għandi ’l fuq minn 30 sena esperjenza fid-Detox, xorta waħda kultant ikolli nitlob l-assistenza mingħand il-kollegi tiegħi biex nieħu ċerti deċiżjonijiet. 

Tista’ tispjega x’servizzi jingħataw mid-Detox? 

Is-servizzi li jingħataw mid-Detox huma vasti ħafna. Nibdew biex insemmu li titqassam il-mistura methadone, kuljum is-sena kollha bil-festi nklużi għal dawk il-persuni dipendenti mid-droga eroina kif ukoll jitqassam trattament ieħor bħal pilloli għal dawk dipendenti minn tipi ta’ droga oħra. Għandna servizz ukoll ta’ testijiet tad-demm speċjalizzat biex jiġi determinat jekk hemmx mard li jista’ jittieħed bl-użu tal-labar.

Jiġi offrut ukoll servizz ta’ testijiet tossiloġiċi biex jiġi determinat x’tip ta’ droga qed juża l-pazjent. Jiġu offruti wkoll servizzi ta’ psikjatra kif ukoll servizz li tingħata l-mistura għal ġimgħa sħiħa lil dawk il-klijenti li jkunu sejrin tajjeb fil-pjan ta’ kura tagħhom biex ma joqgħodux jieħdu l-iskariġġ ta’ kuljum jiġu d-Detox. 

Għandna servizz ukoll ta’ spiżerija fejn jitqassmu mediċini li jordna t-tabib lill-klijenti li jkollhom il-viżta fiċ-ċentru stess. Ġeneralment dawn ikunu mediċini għal kontra l-ansjetà jew kontra d-dipressjoni. Għandna wkoll servizz ta’ ħaddiema soċjali li huwa utli ferm għal dawk il-klijenti li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Servizz ieħor li ftit jafu bih huwa il-“wound clinic” li toffri assistenza lil dawk il-klijenti li jkollhom bżonn jikkuraw ruħhom minn feriti minħabba l-labar.

Noffru wkoll servizz ta’ tobba mit-Tnejn sas-Sibt lill-klijenti tad-Detox għal dawk li jkunu għaddejjin minn xi problemi relatati mat-teħid tad-droga. Nassistu wkoll pazjenti li jkunu se jsiefru billi nipprovdu t-trattament meħtieġ għal matul is-safra tagħhom fejn nipprovdulhom biżżejjed provvista ta’ methadone għal waqt il-btala u nippreparaw id-dokumenti kollha meħtieġa biex din tkun tista’ tittella fuq l-ajruplan. Xogħol ieħor huwa li nikkollaboraw ma’ bosta tobba minn Mater Dei jew sptarijiet oħrajn dwar pazjenti tagħna li jkunu qed jiġu rikoverati hemmhekk minn problemi tad-droga. 

Xi sfidi tiltaqa’ magħhom fix-xoghol tiegħek ta’ kuljum? 

L-ikbar sfida hija x-xogħol inniffsu peress li qed naħdmu ma’ persuni li l-problema tagħhom mhix waħda faċli li taqbad u tegħlibha malajr. 

Kif kellkom tadattaw ix-xogħol tagħkom fi żmien il-pandemija? 

Fi żmien il-pandemija ċ-ċentru baqa’ miftuħ u kompla jaqdi lill-klijenti b’mod normali dejjem bir-restrizzjonijiet imposti mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Ħadna l-miżuri kollha meħtieġa u li għamilna differenti kien, li qsamna l-istaff f’żewġ gruppi biex jekk xi ħadd kien jimrad bil-Covid jew inkella joħroġ kwarantina ċ-ċentru jibqa’ miftuħ normali. Għall-grazzja ta’ Alla xejn ma seħħ minn dan u x-xogħol baqa’ trankwill u servizz baqa’ jingħata b’mod eċċellenti. 

X’sodisfazzjon tieħu minn dan ix-xogħol? 

Is-sodisfazzjon f’dan ix-xogħol tieħdu ta’ kuljum. Anke jekk sempliċiment klijenti jgħaddilek kumpliment bħal grazzi jew il-ġurnata t-tajba tieħu pjaċir. Għax sfortunatament is-soċjetà tħares b’lenti kerha lejn dawn in-nies li wara kollox huma nies normali bħalna.

Tkun sodisfatt ukoll meta tara l-apprezzament tagħhom għal dak li tagħmel magħhom. L-ikbar sodisfazzjon imma jkun jekk wara bosta snin tiġi żżurek xi persuna li tkun ħelset mill-vizzju tad-droga u rriformat ruħha. 

X’pariri tagħti lil dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-settur tas-saħħa? 

L-appell tiegħi huwa wieħed. L-ewwelnett irid ikollok il-vokazzjoni biex taħdem dan ix-xogħol u meta tibda tidħol f’karriera li għalkemm hija waħda ta’ sfida kbira, is-sodisfazzjon huwa kbir meta tara xi paz- jent qed jirkupra jew ifiq mill-problema tas-saħħa jew joħroġ minn vizzjijiet. 

Ekonomija

Sport