Tuesday, November 12, 2024

Intervista ma’ Alan Camilleri … rebbieħ tal-IsportMalta Charity Marathon

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor? 

Proprjament, l-atletika ma kinitx l-ewwel għażla tiegħi. 

Sa 17-il sena jien ma kontx involut fl-isport, kont persuna obeża, u saħansitra sofrejt anke minn bullying minħabba dan. Kien mument fejn ħassejt li għandi naġixxi u nibda nipprattika xi tip ta’ sport. 

Bdejt il-kors ta’ refe­ree tal-football u minn dak­inhar qatt ma ħarist lura. Illum il-ġurnata ma nimma­ġinax ħajti mingħajr l-is­port.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika 12-il sena ilu meta kelli 30 sena. Xtaqt li kieku kelli l-opportunitá li nibda ta’ etá iżgħar però llum il-ġurnata nħossni grat immens li għadni għaddej sal-ġurnata tal-lum. 

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Il-ġiri minn dejjem kont inħobbu għaliex apparti li jgħini fl-irwol tiegħi bħala referee, huwa sport li fih ninqata’ mill-kumplament tad-dinja u ninsa l-problemi ta’ kuljum. 

Il-ġiri jġib miegħu sens ta’ libertá, sens ta’ paċi u serħan il-moħħ, kif ukoll tħossok b’saħħtek fiżikament. 

Min kienet dik il-persuna li ispiratek biex tagħżel l- atletika?

Mingħajr l-ebda dubju, Andrew Grech minn dej­jem kien ta’ ispirazzjoni għalija. 

Apparti li huwa ħabib kbir tiegħi, jien u Andrew niffurmaw parti mill-istess club tal-atletika, Evolve Endurance Club, u nitħarrġu taħt il-gwida ta’ l-istess coach Has Kesra. 

Andrew huwa wieħed mill-aqwa atleti f’pajjiżna fejn ilu involut fix-xena tal-atletika għall-aktar minn għoxrin sena. Apparti hekk, Andrew huwa persuna eżemplari, umli u dejjem lest li jgħin lil ħaddieħor. 

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Il-Maratona ta’ Malta ta’ din is-sena żgur li se tibqa’ mfakkra bħala wieħed mill-isbaħ mumenti fil-karriera tiegħi. 

Memorji oħra ferm sbieħ huma meta tellaqt barra minn xtutna  fejn ipparteċipajt fil-maratoni ta’ Pariġi, Rotterdam u Valencia, kif ukoll fin-nofs maratoni ta’ Almere, Amsterdam, Edinburgh, Lugano, Pisa, Praga u Valencia. 

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek s’issa?

Il-ħin li ksibt fil-Maratona ta’ Malta ta’ din is-sena, sagħtejn 33 minuta u 18-il sekonda, huwa l-aħjar ħin tiegħi f’din id-distanza. Infatti rnexxieli ntejjeb il-ħin li kont ksibt f’Diċembru li għadda fil-maratona ta’ Valencia li kien dak ta’ sagħ­tejn, 35 minuta u 9 sekondi. 

Fil-jiem li għaddew int irbaħt il-Maratona ta’ Malta li din is-sena ngħatat l-isem ta’ SportMalta Charity Marathon. X’emozzjoni ħas­sejt? Kont qed tistenna li tirbaħ dan l-unur ferm pres­tiġjuż?

L-emozzjonijiet kienu kbar, speċjalment fl-aħħar ftit metri tat-tellieqa. 

Qatt ma kont qed nistenna li ser nirbaħ. Kont diġá kuntent immens bil-ħin li ksibt għax jien dejjem emmint li l-kompetizzjoni tiegħi huwa jiena innifsi.

Il-maratona, li tkejjel distanza ta’ 42.2 kilomtru, hija tellieqa ferm impenjattiva, kemm fiżikament kif ukoll mil-lat psikoloġiku.

Hija ħaġa normali li lejn l-aħħar tat-tellieqa s-saqajn jibdew iċedu xi ftit, allura huwa ferm importanti li tkun mentalment b’saħħtek biex tibqa għaddej sal-aħħar. 

Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil kull min kien ta’ sapport u ta’ sostenn għalija f’dan is-suċċess. 

Int ukoll assistant referee tal-football. Tista’ tiddeskrivi dan l-irwol?

Il-karriera ta’ referee hija waħda ferm sabiħa. Ilni involut għal dawn l-aħħar 24 sena, u nista’ ngħid li r-refereeing bidilli ħajti għall-aħjar, iffurmali l-karattru kif ukoll għeni nikber fil-persona­litá tiegħi. 

Referee jrid ikollu karattru sod, irid ikun dejjem lest li jitgħallem u jrid ikun kapaċi jerġa’ jqum għall-okkażjoni wara mumenti diffiċli li jista’ jgħaddi minnhom. 

Ħafna drabi l-pubbliku jibqa’ jiftakar l-iżball wie­ħed li tkun għamilt u mhux il-ħafna deċiżjonijiet korretti li tkun ħadt matul partita. 

Din is-sena taħbat l-20 sena tiegħi bħala uffiċjal fuq il-panel tal-FIFA fejn irrapreżentajt lil pajjiżna f’diversi logħbiet internazzjonali. 

Huwa vjaġġ twil immens mimli b’ħafna sagriffiċji, esperjenzi sbieħ u ħafna sodisfazzjon.

Il-media tagħtikom biż­żejed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Nemmen li l-atletika jis­tħoqqilha aktar pubbliċità meta tikkumparaha ma’ sport ieħor. L-atleti kollha jagħmlu sagriffiċji kbar, u kulħadd jieħu pjaċir li jiġi apprezzat ta’ dan.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Waħda mill-ħolmiet li għandi hija li nipparteċipa f’waħda mill-akbar maratoni, dawk hekk imsejħa “The Big 5” li huma Berlin, Boston, Chicago, Londra u New York.

X’sagrifiċċji u mpenji jitlob l-isport li int tipprattikka? 

Bħal kull sport ieħor, is-sagriffiċji u l-impenji huma kbar. 

Bħala taħriġ fiżiku, nit­trenja sitt ijiem fil-ġimgħa fejn f’ċerti ġranet ikolli żewġ sessjonijiet, waħda filgħodu u oħra filgħaxija.

It-taħriġ mhux ġiri biss imma jinkludi wkoll ses­sjonijiet ġewwa l-gym kif ukoll sessjonijiet li jiffukaw fuq body conditioning u biomechanics. Minbarra hekk, nagħti ħafna każ tan-nutrizzjoni peress li huwa element importanti ieħor apparti t-taħriġ fiżiku.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’tikkummenta?

Kif diġá spjegajt, atleta jiġġieled kontra l-arloġġ primarjament biex dejjem itejjeb lilu nnifsu. L-element ta’ kompetizzjoni u r-rivalitá sportiva dejjem ser jibqgħu hemm. 

Però, jien dejjem emmint li s-suċċess fl-isport mhuwiex dak individwali imma dak kollettiv.  

X’kompetizzjonijiet prin­ċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

Fil-bidu ta’ April se nipparteċipa fin-nofs maratona ta’ Berlin, u f’Diċembru li ġej erġajt applikajt għall- maratona ta’ Valencia.

F’Jannar tal-2023 se nipparteċipa wkoll fin-nofs maratona ta’ Sevilla. Apparti hekk, flimkien mal-coach tiegħi nagħżlu wkoll tlielaq lokali bħala preparament għal dawn l-avvenimenti internazzjonali.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u  żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis- serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika?

Nappella liż-żgħażagħ u lill-pubbliku in ġenerali biex jfittxu l-isport, illum il-ġurnata hawn ħafna opportunatijiet għal kull li­vell.  Jekk ikollok time ma­nagement tajjeb, tkun iddixplinat u temmen fik innifsek, tasal żgur.

Il-messaġġ finali tiegħi huwa wieħed … ipprattikaw l-isport mhux biex tir­b­ħu imma biex tħossukom aħjar, kemm fiżikament kif ukoll mentalement. Dak hu l-veru suċċess.  

Ekonomija

Sport