Saturday, December 21, 2024

Intervista ma’ Dejan Grech … champion Ewropew tal-Eight-Ball

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ftit tal-jiem ilu, Dejan Grech rebaħ il-kampjonat Ewropew tal-Pool meta fil-finali tal-kategorija individwali tal-irġiel għe­leb lill-Ingliż Luke Gilbert bl-iskor ta’ 8-4.

Kienet ġurnata li Grech diffiċli jinsiha minħabba li aktar kmieni f’dik il-ġurnata, kiseb suċċess ukoll fil-finali tal-kategorija ta’ taħt il-25 bħala team kontra l-Irlanda A.

Grech wasal għal din il-finali wara li għeleb lill-player Irlandiż Gary Bracken bl-iskor ta’ 7-2 fis-semi-finali. Huwa ddo­mina ħafna mil-logħob u b’mod meritat wasal sa dan l-istadju.

Dejan Grech mhux isem ġdid għal-logħba tal-pool meta f’dawn l-aħħar snin beda jistabilixxi ruħu bil-mod bl-ewwel suċċessi li beda jikseb,  bħala team.

Fil-fatt fis-sena 2020, huwa rebaħ it-titlu Ewro­pew tal-kategorija individwali taż-żgħażagħ li saru f’pajjiżna. 

Grech għandu ħila kbira sabiex jirnexxi f’dan l-isport fejn huma numerużi l-breaks li kapaċi jagħmel sabiex litteralment iħalli lill-avversarju tiegħu bilqiegħda. 

Il-kalma li biha jmur għall-boċċa u l-mod ta’ kif jirnexxielu jippotjaha jagħ­mel lil Grech wieħed uniku minkejja l-etá pjuttost żagħ­żugħa tiegħu.

Ta’ min wieħed isemmi li fis-sena 2020, huwa rebaħ l-unur tal-Isportiv tas-Sena.

Huwa deher ferm sodisfatt u kuntent b’dak li rnex­xielu jagħmel għalkemm fl-istess ħin bilkemm seta’ jemmen li kiseb dan is-suċċess prestiġjuż.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Dejan fejn qasam l-esperjenza tiegħu. 

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-pool?

L-imħabba tiegħi lejn il-pool bdiet minn meta kont għadni tifel. Missieri kien jilgħab u jien bdejt nilgħab meta kelli 10 snin.

X’emozzjoniiet ħassejt wa­ra li lħaqt dan it-tragward uniku? 

Li kieku xi ħadd kellu jgħidli li jien kont se nirbaħ dan it-tournament internazzjonali, żgur kont immerih għax verament kollox ġie fuqi ħabta u sabta. 

Huwa veru li kont ilni nipprepara għalih minn ħafna żmien ilu permezz ta’ taħriġ kontinwu iżda żgur ma kontx qed nippretendi li nasal sal-finali, aħseb u ara li nirbaħha.

Kif ippreparajt għal din il-kompetizzjoni?

Kont ilni nitħarreġ għal numru ta’ sigħat kuljum sabiex inkun fl-aqwa forma possibbli għax il-preparazzjoni hi kruċjali f’dan il-mument. 

Dak tal-ġimgħa l-oħra kien l-aktar mument perfett li kelli fil-karriera tiegħi s’issa minħabba li flimkien mat-team ta’ Taħt il-25 sena għollejna tazza oħra.

Ħdimna qatigħ anke bħala team u konna magħ­qudin u naħseb li dik hi l-aqwa ħaġa li jista’ jkollok f’kull sport. 

Minkejja li konna barra minn darna, konna kalmi, konċentrati u attenti f’dak kollu li konna qegħdin nagħ­mlu.

Hemm xi logħba li tiftakar aktar minn oħrajn li lgħabt fiha u rbaħt?

Bla dubju, l-aktar logħba importanti li lgħabt fiha s’issa hija dik li fiha ġejt inkurunat Champion Ewropew tal-eight ball fil-jiem li għaddew. 

Nista’ niddeskriviha bħa­la l-aktar logħba emoz­zjonanti fil-karriera tiegħi s’issa. Madankollu insemmi wkoll il-finali ta’ meta ġejt inkurunat champion Ewropew tal-Pool ta’ Taħt it-23 sena. Dik ukoll tqanqal fija emozzjonijiet speċjali.

Kif irnexxielek tiżviluppa l-ħiliet tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Irnexxieli niżviluppa l-ħiliet tiegħi b’ħafna ħin ta’ dedikazzjoni u sagrifiċ­ċju u ħinijiet twal ta’ taħriġ.

X’inhi l-iktar ħaġa importanti li għandu jkollu player tal-pool?

Fl-opinjoni tiegħi, l-aktar ħaġa importanti li għandu jkollu player tal-pool hija li jkollu mentalitá pożittiva u jemmen fih innifsu għax inkella ma jistax jilħaq l-objettiv prinċipali tiegħu.

Min taħseb li hu l-player numru wieħed tal-pool fid-dinja bħalissa?

Fl-opinjoni tiegħi, l-aqwa player tad-dinja tal-pool fil-mument huwa Mick Hill.

X’tikkummenta fuq il- Malta Eight Ball Federation u fuq il-Malta Pool Association u x’inhi d-differenza bejn iż-żewġ dix­xiplini? 

Il-Malta Eight Ball Fe­deration hija federazzjoni serja bħalma ovvjament hija serja l-Malta Pool Association. 

Min-naħa tiegħi nilgħab iż-żewġ logħbiet u t-tnejn fihom is-sabiħ tagħhom. L-eight ball hija tip ta’ logħba fejn trid iżjed tattakka minn dik tal-pool filwaqt li fil-pool jidħlu iżjed it-tatikka u l-moħħ fl-opinjoni tie­għi.

U x’inhi d-differenza bejn snooker u pool?

Id-differenza bejn snoo­ker u pool hija li snooker hija logħba iżjed diffiċli sa ċertu punt. 

Ir-raġuni hija ovvjament li l-mejda tas-snooker hija d-doppju ikbar mil-logħba tal-pool. Għaldaqstant fil-pool trid tkun konsistenti ħafna għaliex jekk tagħmel żball tista’ tgħid li tlift il-logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala player tal-pool u fuq kollox x’ħolm u objettivi  qed timmira għalihom?

Għandi ħafna ħolm li nixtieq inwettaq iżda fuq kollox għandna bżonn li dan l-isport ikollu aktar sponsors. 

Ħaġa tal-iskantament li minkejja li kull darba nik­sbu suċċess fuq livell internazzjonali, diversi kumpa­ni­ji ma jaċċettawx li jgħi­­nuna b’mod  finanzjarju biex nilħqu l-għan tagħ­na.

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi dik li naqleb għal kollox bħala player professjonali għalkemm dan mhux faċli daqskemm wie­ħed jaħseb proprju min­ħabba li l-isponsors huma ftit. 

Biex l-affarijiet jiġu aktar ħa­żin, bħalissa mhux faċli li ssib għajnuna bħal din minħabba l-impatt ħażin li kellu l-Covid-19 fuq diversi negozji u kumpaniji.

Fuq kollox nixtieq li bħala player professjonali, jekk xi darba nsir, immur nilgħab barra minn Malta u eventwalment dan isir ix- xogħol tiegħi.

Bla dubju li din mhux xi ħaġa faċli għalkemm jien se nibqa’ naħdem qatigħ sabiex nasal għaliha. Jekk dan iseħħ ikun pass kbir lejn il-karriera tiegħi.

Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ tiegħek lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-pool.

Il-messaġġ tiegħi huwa liż-żgħażagħ biex jaqbdu jilagħbu l-logħba tal-pool – logħba sabiħa li tagħtik sodisfazzjon kbir u għal min għadu żgħir ikollu ċ-ċans iżid il-kapaċitajiet tiegħu u jikber fil-logħba tal-pool. Fiha timmatura u tikber mentalment. 

Ekonomija

Sport