Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?
Nista’ ngħid li bdejt nilgħab il-football ta’ etá tenera. Eventwalment isseħibt man-nursery ta’ Birkirkara fl-etá ta’ sitt snin u mill-ewwel ridt insir goalkeeper għax kien jaffaxxinani dan ir-rwol.
Ma’ Birkirkara tgħallimt ħafna l-ewwel ħiliet tiegħi f’dan l-isport u komplejt tiela’ minn kategorija għal oħra.
Kif kienet l-esperjenza tiegħek ma’ Birkirkara?
Fil-fatt għamilt madwar 12-il sena nilgħab ma’ dan il-club. Kelli s-sodisfazzjon li niġi mgħajjat mal-iskwadra tal-kbar meta kelli biss 16-il sena. Għalija din kienet esperjenza li nammetti li sibtha aktar ‘il quddiem meta lgħabt ma’ clubs oħra.
Liema kien l-ewwel team tal-kbar li lgħabt miegħu?
L-ewwel li lgħabt miegħu kien dak ta’ Mqabba, fl-2005 u ftit wara kelli wkoll ix-xorti nilgħab ma’ Marsa meta kienu fil- Kampjonat Premier.
X’tiftakar fl-esperjenza tiegħek ma’ Marsa?
Xi ħaġa partikolari li nixtieq ngħid hi proprju li dak iż-żmien lgħabt mal-mibki Essien Mbong li jiġi missier Joseph Mbong.
Għalhekk għandi l-unur ngħid li lgħabt mal-missier u mal-iben matul il-karriera tiegħi. Ma’ Marsa kien hemm mumenti tajbin iżda mbagħad il-club għadda minn problemi finanzjarji u għalhekk diversi players fittxew xortihom band’oħra.
Kienet is-sena meta Marsaxlokk rebħu l-kampjonat u meta kien hemm diversi sorpriżi matul dak l-istaġun.
Hemm xi team li tista’ tgħid irnexxielek tħalli l- marka tiegħek?
Naħseb l-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi bdejt ngħixhom ma’ Mosta speċjalment meta ksibna l-promozzjoni wara li rbaħna decider kontra Melita.
Kien hemm staġun minnhom li wkoll irnexxielna nżommu postna fil-Kampjonat Premier wara staġun ta’ tlugħ u nżul.
Is-sodisfazzjon kompla jikber meta l-club kien proponieli li nkun il-captain tat-team.
Eventwalment kelli esperjenzi oħra ma’ Tarxien Rainbows għalkemm kelli l-isfortuna li nweġġa’ u nagħmel xi żmien barra mil-logħob.
Kien għalhekk li erġajt mort nilgħab ma’ Mqabba u wara Gudja United fejn anke hawn il-club kiseb il-promozzjoni mit-Tieni Diviżjoni għall-Kampjonat Premier.
Semmejt l-injuries. Kemm kienu diffiċli dawk il-mumenti meta kellek tkun ‘il bogħod mill-ground?
Meta tkun imweġġa’ kull player iħoss dak in-nuqqas tal-ground jew aħjar tal-logħob milgħub. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-partitarji tad-diversi clubs li lgħabt magħhom fil-passat li kull meta kont qed nirkupra minn injury, dejjem tawni l- kuraġġ f’mumenti mhux daqstant faċli billi bagħtuli messaġġi pożittivi.
X’tikkummenta fuq dan l- istaġun għal Sirens sa issa?
Meta wiehed iħares lejn dan l-istaġun, tista’ tgħid li s’issa kien wieħed poiżittiv. Naturalment, fadal ħafna logħob u ħafna xogħol xi jsir, u rridu nibqgħu konċentrati u ffukati biex nilħqu t-tragwardi tagħna.
… u fuq il-coach Winston Muscat?
Winston Muscat huwa coach li jaħdem bla waqfien b’mod dettaljat u dedikat, speċjalment fil-preparazzjoni tattika tagħna, u anke fil-mod kif jimmotivana minn ġurnata għal oħra.
Ma nistax ma nsemmix lill-coach tal goalkeepers, Mike Tabone, l-assistant coach, Filipov, u lill-physical trainer, George Portelli, għax-xogħol impekkabbli tagħhom.
… u fuq il-kumitat immexxi mill-president Mark Borg Hedley?
Bla dubju, il-club iħaddan kumitat u staff ħabrieki, immexxi tajjeb mill-president Mark Borg Hedley. Kuljum wieħed jista’ jara x-xogħol siewi li jsir mill-membri tal-kumitat b’mod volontarju għall-ġid tal-club tagħna bil-għan li l-club jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u l-football?
Nistqarr miegħek li rrid nagħmel sagrifiċċju kbir sabiex inlaħħaq ma’ dawn iż-żewġ affarijiet, għalkemm nistqarr wkoll li lest nagħmel dan it-tip ta’ sagrifiċċju għax il-football inħobbu wisq.
Taqbel mal-proposta li jkun hemm 11-il player barrani f’tim tal-kampjonat Premier?
Ma naqbilx ma’ din il-proposta. Nemmen li rridu nagħtu spazju lit-talent Malti li tiela’ u li qed juri potenzjal kbir. Jekk ikun hemm iktar players barranin, se nkunu qed nifgaw dan l-ispazju u eventwalment se jkun hemm żgħażagħ li se jaqtgħu qalbhom.
X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq l-istadia fejn isiru l-logħob tal-ogħla kampjonat Malti?
Bla dubju, li l-Istadium Nazzjonali huwa ground ta’ livell għoli filwaqt li t-turf sintetiku tas-Centenary Stadium huwa wieħed impekkabbli.
Anke din is-sena rajt li Hibernians Stadium inżamm fi stat tajjeb ħafna.
B’hekk fi ftit kliem nistqarr li l-grounds li fihom jintlagħab il-Kampjonat Premier huma ta’ livell tajjeb ħafna.
Kif tiġġudika l-kontroll tar-referees waqt il-logħbiet tal-Kampjonat Premier?
Naħseb li kollox ma’ kollox, jien sodisfatt bil-kontroll tar-referees.
Dejjem ikun hemm xi episodju kontroversjali ‘l hemm u ‘l hawn iżda dan kollu huwa parti mill-football għax int bħalma jkollok deċiżjonijiet li jsiru kontrik, ikun hemm oħrajn li jkunu favur tiegħek.
X’se jkun il-futur ta’ Jonathan Debono?
B’xorti tajba jien nilgħab fi rwol ta’ goalkeeper u forsi dan kollu jagħtini ċ-ċans li nilgħab għal aktar snin, sakemm il-Bambin jagħtini s-saħħa li nagħmel dan.
Qed inħares b’ottimiżmu għall-futur. L-ambizzjoni tiegħi hi li nkompli naħdem u nistinka biex nilħaq l-objettivi tiegħi.
Tista’ tgħaddi messaġġ lill-partitarji kollha ta’ Sirens biex jibqgħu warajkom sa tmiem l-istaġun?
L-ewwelnett nixtieq nirringrazja lill-partitarji ta’ Sirens talli dejjem kienu warajna bis-sapport tagħhom.
Inħeġġiġhom biex jibqgħu ikunu preżenti magħna għax bla dubju għandna bżonn l-għajnuna tagħhom biex flimkien nilħqu t-tragwardi tagħna.