Nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Settembru 2025, il-Papa Ljun XIV se jiddikjara lil Carlo Acutis qaddis flimkien ma’ żagħżugħ ieħor, Pier Giorgio Frassati. Bin Andrea u Antonia mwielda Sanzano, Carlo Acutis kien żagħżugħ Taljan imwieled l-Ingilterra fit-3 ta’ Mejju 1991, magħruf l-aktar għad-devozzjoni tiegħu lejn l-Ewkaristija, li wasslitu biex ħoloq websajt li tiddokumenta l-mirakli Ewkaristiċi. Carlo miet bil-lewkimja fit-12 ta’ Ottubru 2006, fl-età ta’ ħmistax-il sena. Fl-10 ta’ Ottubru 2020 kien iddikjarat Beatu. Il-fama tiegħu u d-devozzjoni lejh infirxu malajr mad-dinja kollha, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Din li ġejja hija traduzzjoni mit-Taljan ta’ intervista li saret mill-ġurnalista Giancarla Ghisi għall-Corriere della Sera fit-30 ta’ Ġunju 2024, intitolata “Carlo Acutis, parla la mamma del santo ragazzino”.
Sinjura Salzano, meta ntbaħt li ibnek kellu don speċjali?
Sa miċ-ċokon, Carlo kellu attitudnijiet partikolari. Dejjem kien qabel sħabu, qabel il-kuġini tiegħu u wkoll qabel ħutu t-tewmin. Ta’ tliet xhur qal l-ewwel kelma tiegħu u aħna stagħġibna ħafna. Ta’ ħames xhur kien diġà jitkellem. Għall-ewwel konna sorpriżi. Sa dak iż-żmien jiena ftit li xejn kont immur knisja: dħalt biss meta għammidnieh, meta għamel il-Griżma u meta żżewwiġna. Ir-raġel tiegħi kien ftit aħjar minni, għax ġej minn familja Kattolika prattikanti, ġieli l-Ħadd kien imur mal-ġenituri tiegħu għall-quddies. Aħna ma konniex kontra l-fidi, imma konna drajna ngħaddu mingħajrha.
Żewġek nduna li binkom kien tifel speċjali?
Fl-ewwel ftit snin konna ngħixu Londra. Meta twieled Carlo, ħallejt ix-xogħol tiegħi fil-pubblikazzjonijiet biex inkun qrib ta’ ibni. Żewġi kien involut fin-negozju tal-assigurazzjoni tal-familja u għalkemm kellna relazzjoni mill-aqwa, ma konniex inkunu wisq ħin flimkien kuljum. Meta żewġi u ibni kienu jqattgħu ħin flimkien fi tmiem il-ġimgħa, żewġi beda jsir dejjem aktar konxju kemm Carlo kien tifel speċjali.
Anke fl-imġiba ta’ kuljum?
Iva. Meta erġajna lura l-Italja, f’Milan, Carlo kellu ħajja impenjattiva mal-ħbieb, jistudja, jipprattika l-isport, u ma damx ma beda jgħallem il-katekiżmu u jgħin lil dawk bla dar. Kien għadu żgħir, konna mmorru l-passiġġati u hu dejjem kien ikun irid jieqaf kif jara knisja. U bdiet issir diffiċli biex noħorġu! Id-destinazzjoni tiegħu kienet dejjem it-tabernaklu, li kien iqis id-dar ta’ Ġesù. Kien jgħid: “M’hemmx għalfejn immorru l-Art Imqaddsa, Ġesù jinsab hawn fit-tabernaklu. Il-flus tas-safar inżommuhom biex bihom ngħinu lill-foqra”.
Nimmaġina li kien jistaqsikom ħafna mistoqsijiet…
Iva u profondi ħafna wkoll. Jien kont injoranta, ma kontx naf x’naqbad ngħidlu, kien jimbarazzani. Spiritwalment kont rieqda. Lanqas kont naf id-differenza bejn l-Evanġelju u l-Bibbja. Kont injoranta ħafna fejn jidħlu l-veritajiet tal-fidi. Bdejt ninteressa ruħi fir-reliġjon wara l-mewt f’daqqa taʼ missieri. Kont naf mara li tgħix fl-akwati tagħna, u din semmietli lil Padre Ilio Carrai, il-“Padre Pio ta’ Bologna”. Meta mort għandu qalli: “Ibnek speċjali, b’missjoni importanti għall-Knisja. U tani parir biex nibda nistudja t-teoloġija. Minn hemm bdiet il-mixja tiegħi lejn il-konverżjoni.
Għandek xi memorji partikolari ta’ Carlo?
Ħafna. Carlo kellu karattru sod, kien jaf xi jrid. Qabel l-Ewwel Tqarbina kiteb: “Il-pjan ta’ ħajti huwa li nkun dejjem magħqud ma’ Ġesù”. Minn dak il-mument beda jikkomunika mal-Ġenna. Kien jaf juża sew il-kompjuter, wizard tal-kompjuter li bih għamel films u rivisti. Niftakar episodju ieħor, meta Carlo kellu sitt snin u kiteb ittra lill-ħaddiem domestiku tagħna li kien moħħu wisq fil-moda u kien jonfoq kollox f’oġġetti superfluwi: “Ġesù, agħmel li Rajesh isir inqas vanituż”. U mbagħad bid-daħka fuq fommu kien jgħidlu: “Rajesh, int se tixjieħ filwaqt li jien nibqa’ żgħir għal dejjem.” Illum Rajesh huwa predikatur reliġjuż, ikkonverta.
U n-nies ta’ madwaru x’kienu jgħidu?
Carlo kien dejjem qisu kalamita. Meta kien għadu żgħir kien tifel ħelu, forsi mhux wieħed mill-isbaħ, iżda meta konna nkunu qalb in-nies bħal f’xi supermarket in-nies mill-ewwel kienu jinġibdu lejh. Ħafna jaħsbu li l-mistiċi jkollhom il-viżjonijiet jew il-pjagi. Iżda jien fhimt li Carlo kien tassew mistiku għax kien f’għaqda profonda u kostanti ma’ Alla.
Allura ibnek ma kienx jibża’ mill-mewt?
Le, iffaċċjaha bi tbissima, kien ifarraġ lil ta’ madwaru. Qabel daħal l-isptar, qalilna: “Jien miniex se noħroġ ħaj minn hawn.” La r-raġel tiegħi u lanqas jien ma stajna nemmnu. Sa tlett ijiem qabel kien mar l-iskola. U waqt li kien qed jiġi ttrattat, filwaqt li l-istaff mediku kien mistagħġeb bit-tbissima tiegħu quddiem uġigħ fiżiku kbir ikkawżat mil-lewkimja, kien stqarr: “Noffri t-tbatija tiegħi għall-Knisja, għall-Papa u biex ma mmurx il-purgatorju imma mmur dritt il-Ġenna”. Kien iben uniku, naħseb li b’ċerti attitudnijiet tiegħu ried jippreparani.
Bħal ngħidu aħna?
Ftit jiem wara mewtu, lejl minnhom qomt b’ħasda. Xgħelt il-kompjuter tiegħu u sibt fuq l-iskrivanija filmat li kien għamel ftit xhur qabel li fih jitbissem kien qal: “Meta nilħaq is-sebgħin kilo nitlaq minn din id-dinja”.
Kien qed jipprevedi li se jmut?
Kien hemm tant sinjali żgħar li dak iż-żmien ma ridtx naqbadhom. Ngħidu aħn, lejlet l-Ewwel tas-Sena fis-sajda tradizzjonali tal-qaddisin ta’ San Silvestru. Hija tradizzjoni tal-familja li ssib il-protettur tas-sena, is-soltu hu kien itella’ lil Ġesù jew lill-Madonna. Is-sena li fiha miet qabad lil Alessandro Sauli u kulħadd kien qed jistaqsi x’seta’ jfisser. Meta daħal l-isptar, eżatt quddiemu rajt knisja. Kienet iddedikata għal dan il-Qaddis! U l-11 ta’ Ottubru, meta Carlo ddikjarawh brain dead, kien l-istess jum li miet il-Qaddis tas-Sena tiegħu.
Uliedek kif jesperjenzaw il-preżenza ta’ dan ħuhom hekk famuż?
B’serenità. Inħallihom liberi għax huma jridu jimxu fi triqithom. Għandhom 13-il sena, huma devoti, iħarsu lejn ħuhom li qatt ma ltaqgħu miegħu u jaħsbu dwaru b’naturalezza kbira. Jgħixu ħajja normali bħat-tfal kollha. Fuq kollox huma rigal ta’ Carlo. Ma kontx naħseb li xorta jista’ jkolli t-tfal ta’ 44 sena. Qabel telaq, Carlo qalli: “Se nibgħatlek ħafna sinjali”. F’ħolma ħabbarli: “Dalwaqt tkun omm”. U wara xahar ħriġt tqila.
X’ħallielek Carlo?
Ħafna xogħol. Carlo ta l-ħajja lil sensiela ta’ proġetti ta’ evanġelizzazzjoni li għadhom sejrin. Ħeġġeġ lin-nies biex jimxu triqithom, bla ma jikkupjaw lil ħadd: “Kulħadd jitwieled oriġinali iżda ħafna jmutu fotokopji.” Ejja ngħidu li jiena s-segretarja tiegħu hawn fid-dinja. Issa huwa magħruf mad-dinja kollha. Qegħdin jaslu manifestazzjonijiet ta’ konverżjonijiet u mirakli. Imbagħad, hemm il-wirjiet tiegħu dwar il-mirakli Ewkaristiċi li seħħew matul iż-żmien li kien beda hu, li jivvjaġġaw mill-Istati Uniti saċ-Ċina. Carlo huwa illuminatur, jgħin biex iqajjem il-kuxjenzi rieqda.
Kapitlu importanti jikkonċerna l-mirakli: int sorpriża dwar dan?
Carlo dejjem ippreparani għal dan, bil-kliem u bl-attitudni tiegħu, mill-kitbiet reliġjużi li ħalla. L-ewwel miraklu kien waqt il-funeral tiegħu, fieqet mara bil-kanċer li kienet lesta biex tagħmel il-kimoterapija. Dak rikonoxxut mill-Papa għall-kanonizzazzjoni jikkonċerna tfajla ta’ 23 sena mill-Kosta Rika li kienet qed tistudja Firenze. Sentejn ilu waqgħet minn fuq ir-rota u ħabtet rasha. Saritilha operazzjoni iżda t-trawma f’rasha kienet serja ħafna u l-kundizzjoni tagħha kienet iddisprata. It-tobba ma setgħu jagħmlu xejn. L-omm, Liliana, marret Assisi, talbet fuq il-qabar ta’ Carlo u ħalliet ittra. Meta marret lura, it-tifla reġgħet bdiet tieħu n-nifs waħedha. Issa waslet biex tiggradwa.
X’sar minnhom il-ħbieb li kellu Carlo?
Illum kważi kollha inġiniera. Hemm min jagħmel volontarjat, hemm min jieħu ħsieb il-websajt. Hemm min baqa’ qrib tiegħu.
Fl-istorja, wara Assunta, omm Santa Marija Goretti, u l-ġenituri tal-Beata Chiara Luce Badano, il-familja Acutis se tkun tista’ tesperjenza dan il-mument.
Mument importanti, għalija, għal żewġi u għat-tfal iżda fuq kollox għal Carlo li seta’ jittrażmettilna l-fidi u jqarreb tant nies lejn il-fidi.
Għaliex Carlo għażel Assisi bħala l-aħħar kapitlu ta’ ħajtu?
Carlo kien devot ta’ San Franġisk. Hawn għandna dar u hu kien dejjem ġie hawn bil-qalb. Għall-ewwel, il-korp tiegħu kien fil-kappella tal-familja ħdejn Biella iżda kien ħalla messaġġ: “Irrid nindifen f’Assisi”. Hekk kif dan sar possibbli, ħadnieh f’ċimiterju f’Assisi. Meta sar beatu, il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti lejn is-Santuario della Spogliazione. Ġismu baqa’ intatt, u hekk stajt inlibbsu, u libbistu ta’ tifel ta’ daż-żmien.