https://www.facebook.com/share/v/1DDi4fU8qt
Għal min forsi għadu mhux familjari mal-aġenzija tagħkom, x’inhu eżattament l-irwol ta’ Servizzi Ewropej f’Malta?
Servizzi Ewropej f’Malta hija l-punt nazzjonali ewlieni ta’ informazzjoni u assistenza dwar l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea (UE). Il-missjoni tagħna hija waħda ċara: li nressqu dawn l-opportunitajiet u l-benefiċċji tagħhom eqreb lejn in-nies u nagħmluhom aktar aċċessibbli għal kulħadd. Aħna nemmnu li l-opportunitajiet Ewropej m’għandhomx jibqgħu biss fuq karta jew fuq livell istituzzjonali, imma għandhom jaslu għand in-nies b’mod konkret u li jinħass.
Irridu li kull min jgħix f’pajjiżna jħoss li, b’xi mod jew ieħor, qed jibbenefika mill-opportunitajiet li toffri l-UE. Għalhekk, bħala aġenzija, inpoġġu enfasi kbir fuq servizz personalizzat, aċċess b’mod ugwali u impatt tanġibbli fil-komunitajiet tagħna.
Fil-prattika, ngħinu individwi, intrapriżi, għaqdiet volontarji, bdiewa, sajjieda u entitajiet pubbliċi biex jidentifikaw opportunitajiet, japplikaw għal fondi u jimplimentaw proġetti b’suċċess. Dan kollu jsir permezz ta’ servizz kompletament bla ħlas u adattat għall-bżonnijiet ta’ kull min jersaq għandna.
L-irwol tagħna mhuwiex biss wieħed tekniku, iżda wkoll wieħed ta’ servizz pubbliku, fejn naħdmu biex inwasslu informazzjoni ċara u nagħmlu l-opportunitajiet tal-UE aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-komunitajiet.
- Kif taħdmu fil-prattika ma’ min jixtieq japplika għall-fondi Ewropej?
Il-ħidma tagħna tibda dejjem billi nifhmu sew il-ħtieġa jew l-idea tal-benefiċjarju. Minn hemm, ngħinuh jidentifika l-iskema Ewropea l-aktar adattata u nibnu miegħu pjan ċar dwar kif din l-idea tista’ tinbidel fi proġett vijabbli.
Noffru appoġġ tul il-vjaġġ kollu, mill-ewwel kuntatt, għall-proċess tal-applikazzjoni, u anke matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Apparti dan, norganizzaw diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni matul is-sena għal setturi differenti u anke laqgħat individwali fejn niddiskutu ideat ta’ proġetti, u nagħtu assistenza teknika dettaljata u personalizzata.
L-għan tagħna huwa li nagħmlu proċess li ħafna drabi jidher kumpless, aktar ċar u aċċessibbli. Għalhekk noffru servizz ħolistiku li permezz tiegħu naraw li nimxu mal-benefiċjarju pass pass, sabiex ħadd ma jibqa’ lura mill-opportunitajiet li toffri l-UE.
- Lil hinn mill-fondi, kif qed iġġibu l-Unjoni Ewropea aktar qrib il-ħajja ta’ kuljum tan-nies?
Aħna konxji li l-UE kultant tista’ tidher ‘il bogħod jew kumplessa. Għalhekk, b’mod attiv, qed naħdmu biex inwasslu l-kunċett tal-UE b’mod aktar uman u li jista’ jirrelata miegħu kulħadd.
Matul is-snin ħriġna diversi pubblikazzjonijiet għal udjenzi differenti u fl-aħħar tas-sena li għaddiet kien imiss li noħolqu pubblikazzjoni għall-adulti. Għaldaqstant, investejna fi proġett kreattiv u ambizzjuż ħafna, fejn ħloqna l-pubblikazzjoni, Gżejjer f’Kontinent, li hija ġabra ta’ seba’ rakkonti fittizji minn seba’ awturi Maltin stabbiliti, maħsuba biex jistiednu riflessjoni mill-qarrejja dwar xi tfisser is-sħubija ta’ Malta fl-UE. Aspett importanti li jiddistingwi dan il-ktieb huwa l-impenn lejn l-aċċessibbiltà fejn rajna li l-pubblikazzjoni tkun mfassla f’format adattat għal min għandu d-dyslexia, sabiex kull qarrej ikun jista’ jagħmel parti minn dan il-vjaġġ narrattiv u kulturali.
Introduċejna wkoll taqsima ġdida tal-policy li permezz tagħha se nkomplu noffru gwida aktar komprensiva li ma tkunx biss dwar fondi, imma wkoll dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, l-inizjattivi u s-servizzi Ewropej. Dan kollu għamilnieh sabiex inkomplu nibdlu ċertu perċezzjoni li l-UE hi xi kunċett astratt, iżda inrawwmu u nedukaw lill-pubbliku sabiex l-UE issir parti mill-konverżazzjoni tagħna, fejn in-nies hemm barra iħossuhom involuti u parti mill-UE.
Barra minn hekk, Servizzi Ewropej f’Malta qed tkompli sservi wkoll bħala ċ-ċentru ta’ Europe Direct Valletta, rwol li se nkomplu nwettqu sal-2030. Permezz ta’ dan iċ-ċentru, inwieġbu direttament mistoqsijiet miċ-ċittadini dwar l-UE, inqassmu materjal ta’ tagħrif, u norganizzaw attivitajiet edukattivi u ta’ kuxjenza pubblika. Dan jagħtina pjattaforma importanti biex inkunu aktar qrib in-nies u nservu bħala punt ta’ kuntatt dirett bejn iċ-ċittadini Maltin u l-istituzzjonijiet Ewropej.
Matul is-sena norganizzaw ukoll bosta attivitajiet pubbliċi biex inġibu l-Ewropa eqreb lejn il-komunitajiet tagħna. Dawn jinkludu ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa, sessjonijiet edukattivi għat-tfal ta’ SkolaSajf, mixjiet fil-lokalitajiet, żjarat bir-roti f’siti kofinanzjati mill-UE, kif ukoll parteċipazzjoni f’avvenimenti bħan-Notte Bianca u l-Festival tax-Xjenza. Dawn l-inizjattivi jgħinu lin-nies jaraw b’mod konkret kif il-fondi u l-politiki Ewropej qed jissarrfu f’benefiċċji reali fil-ħajja ta’ kuljum.
Apparti hekk, naraw li jkollna preżenza qawwija fuq il-mezzi soċjali kemm diġitali u kif ukoll tradizzjonali. Tul is-sena nippubblikaw bosta artikli, naraw li jkollna preżenza b’saħħitha anke fuq it-televiżjoni u r-radju, kif ukoll naraw li nżommu il-paġni ta’ midja soċjali tagħna u l-website dejjem attivi u bl-aħħar informazzjoni b’mod aċċessibbli għall-pubbliku.
- L-2025 kienet sena impenjattiva għall-aġenzija. X’kienu xi riżultati konkreti?
L-2025 kienet sena importanti ħafna kemm minħabba riżultati konkreti kif ukoll minħabba ħidma strateġika li qed naddottaw sabiex inkomplu nsaħħu l-preżenza u l-fiduċja fis-servizzi tagħna. Matul is-sena weġibna eluf ta’ talbiet għall-informazzjoni, kellna mijiet ta’ laqgħat individwali ma’ benefiċjarji potenzjali, u appoġġjajna s-sottomissjoni ta’ numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet għall-fondi Ewropej. Kull kuntatt rajnieh bħala opportunità biex nibnu relazzjoni ta’ fiduċja u nsaħħu l-kredibbiltà tagħna bħala punt nazzjonali ta’ referenza.
Il-ħidma tagħna ġiet ukoll rikonoxxuta fuq livell nazzjonali, meta Servizzi Ewropej f’Malta rebħet il-Premju ta’ Kwalità tas-Servizz Pubbliku u l-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lin-Negozji — rikonoxximenti li jirriflettu l-impenn u d-dedikazzjoni tat-tim kollu.
Barra minn hekk, inawgurajna entratura ġdida tal-uffiċini tagħna fil-Belt Valletta, li narah wkoll bħala pass simboliku imma sinifikanti ta’ kif nilqgħu lill-klijenti tagħna.
- X’inhi l-viżjoni tagħkom għas-snin li ġejjin?
Il-viżjoni tagħna tibqa’ waħda ċara u ambizzjuża: li aktar nies, f’kull lokalità u f’kull qasam tal-ħajja, ikunu jistgħu jieħdu sehem u jgawdu mill-opportunitajiet Ewropej.
Hekk kif qed inħarsu ’l quddiem u anke hekk kif qed noqorbu biex niċċelebraw ħames snin mit-twaqqif tal-aġenzija, l-impenn tagħna hu li nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna, inkabbru l-kuxjenza pubblika, u noffru appoġġ aktar integrat dwar l-UE, kemm fuq bażi ta’ fondi kif ukoll fuq bażi ta’ policy, f’dawk li huma d-drittijiet u l-inizjattivi Ewropej.
Irridu nibqgħu nersqu aktar qrib in-nies, inkomplu nibnu relazzjoni ta’ fiduċja, u niżguraw li l-impatt tal-ħidma tagħna jinħass b’mod konkret fil-komunitajiet. Dan għaliex nemmnu li l-UE mhijiex biss istituzzjoni, iżda parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum tagħna bħala Maltin u Ewropej.
- Kif jista’ wieħed jagħmel kuntatt magħkom jew jibqa’ aġġornat?
Inħeġġu lil kulħadd iżur is-sit tagħna sem.gov.mt, isegwina fuq il-midja soċjali, jew jikkuntattjana direttament fuq [email protected] jew 2779 7300.
Aħna dejjem lesti nilqgħu lil kull min għandu mistoqsija, idea jew interess, kemm dwar fondi Ewropej kif ukoll dwar l-UE b’mod ġenerali. Servizzi Ewropej f’Malta qiegħda hemm biex tisma’, tiggwida u tappoġġja lil kull min irid jieħu pass ’il quddiem.

