Saturday, December 21, 2024

Intervista ma’ Ruben Baldacchino … coach tal-basketball

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Għażilt il-basketball għax imxejt fuq il-passi ta’ ħija, Adrian Baldacchino li kien jilgħab basketball u minħabba li l-iskola sekondarja ta’ St Agatha li kont nattendi,  kellha tra­dizzjoni qawwija ta’ basketball fejn kien jopera d-Depiro Basketball Club.

Minn hemm bdejt nil­għab fil-kategoriji kollha u anke tlajt mat-team nazzjonali Under 15 fejn kienet esperjenza sabiha.

Lgħabt ma’ diversi clubs iżda l-isbaħ żmien kien meta kont ma’ Qormi Basketball Club taħt it-tmexxija ta’ coach Tony Camilleri fejn konna rbaħna kollox dik is-sena.

Tista’ tiddeskrivi r-rwol tiegħek bħala coach tal-basketball?

L-irwol ta’ coach hu importanti ħafna għal diversi raġunijiet. Coach irid ikop­ri ħafna rwoli fejn apparti li jmexxi lit-team mil-lat tekniku u tattiku, irid jifhem minn xhiex jgħaddu l-players mil-lat emottiv, irid ikun edukatur fejn irid jgħallem il-priniċipji sportivi bħal Fairplay u jkun dak li jgħaqqad it-team mal-kumitat tal-club.

Hawn Malta, coach tal- basketball irid jagħmel ħafna rwoli għax meta tqabblu mal-football ir- riżorsi huma limitati, u club tal-basketball m’għandux il-finanzi biex jimpjega nies esperti bħal fil-qasam ta’ strength and conditioning, nutrizzjoni, psikologu tal-isport u oħrajn li huma importanti biex team jirnexxi.

Issa ilni iktar min 20 se­na naħdem bħala coach, l-isbaħ sodisfazzjon hu li tara players min-nursery tal-club isibu posthom mal-kbar u jilagħbu għal Malta b’suċċess.

X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek fuq il Malta Basketball Association mmexxija mill-president Pawlu Sultana?

Il-bini tal-padiljun għat-taħriġ huwa l-ikbar ġawhra li għamel Pawlu Sultana għall-basketball Malti.

Kien bżonnjuż u fl-aħħar minn ħolma saret realtà. Kelli l-opportunitá li naħ­dmu flimkien mat-team nazzjonali tal-irġiel fejn irbaħna l-midalja tad-deheb għall-ewwel darba meta fil-finali rbaħna lin-Norveġja.

Kien ta’ unur kbir għalina li konna l-ewwel team Malti fil-kamp tal-irġiel li rbaħna dan l-unur fl-2018.

Pawlu Sultana huwa bniedem li għex u li jħobb il-logħba tal-basketball u qed jagħti kontribut siewi biex din il-logħba timxi ‘l quddiem.

Nemmen li bħala għaqda sportiva, il-Malta Basketball Association hemm bżonn li jkollha aktar nies fl-amministrazzjoni sportiva.

Assoċazzjoni ta’ sport daqshekk importanti jrid ikollha iktar riżorsi umani biex tkun tista’ topera b’mod aħjar.

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi u l-court il-ġdid fil- Padiljun f’Ta Qali li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta kkumparati ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali?

Sar investiment importanti fl-aħħar snin iżda nemmen li rridu nkomplu ntejbu ħalli jkollna kumpless li jħabbatha ma’ pajjiżi barranin ta’ l-ogħla livell.

Jien li kelli l-esperjenza barra minn Malta u rajt kumplessi tal-basketball moderni, tkun tixtieq li Malta jkollna kumpless naz­zjonali bħalhom.

Meta nikkompetu ma pajjżi ta’ livell tagħna qegħdin tajjeb u forsi l-unika nuqqas li nħoss hu li fis- sajf tkun diffiċli biex titrenja u tilgħab minħabba li m’hemmx arja kundizzjonata.  

Il-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill- basketball?

Nemmen li l-media Mal­tija tagħti ammont tajjeb ta’ pubbliċitá iżda wieħed dejjem jixtieq li tingħata iktar, speċjalment meta tqabbel li jkollna ħafna pubbliċitá fuq footbal kemm lokali u dak barrani.

Nemmen li l-media għandha tagħti pubbliċitá lill-isport lokali, għax dak barrani diġá jkun muri minn stazzjonijiet oħra. Nixtieq nirringrazzja lil Willie Vassallo u Colin Schembri li ilhom jaħdmu dawn is-snin kollha għal ġid tal-logħba tal-basketball fejn tidħol il-media.

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta player tal- basketball f’Malta kemm fil-kamp maskili kif ukoll fil-kamp femminili jkun jista’ jgħix esklussivament per­mezz tal-basketball?

Fil-basketabll diġá għand­na players li jilagħbu b’mod professjonali u jgħixu mill-basketball.

Hemm Samuel Deguara li qed jilgħab mat-team popolari ta’ Fubon Braves fl-Asian Basketball Lea­gue, Kurt Cassar jilgħab ma’ Ruvo di Puglia, Tevin Falzon jilgħab ġewwa l- Vigor Basket Matelica, Aaron Falzon Arkadia Trais­kirchen Lions, fost oħrajn li qed jilagħbu fuq ‘scholarship’ fl-Amerika bħal Sophie Abela u Jack Zammit filwaqt li Sasha Lecuyer u Julia Borg qegħda jistudjaw u jilagħbu l-Ingilterra.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Il-futur tiegħi bħalissa huwa fil-kamp femminili mat-team ta’ Depiro.

Kien proġett li nteressani għax kienet sfida differenti peress li għamilt karriera sħiħa fil-kamp maskili.

Nemmen li għandna potenzjal sabiħ li għad naraw suċċessi ‘l quddiem anke fuq skala internazzjonali fis-snin li ġejjin minn dan il-proġett li qed naħdmu fuqu.

Ix-xewqa tiegħi hi li xi darba ningħata r-respon­sabbiltá tat-team nazzjonali bħala head coach u nirbħu midalja tad-deheb li jonqosna fl-irġiel fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar.

Min-naħa l-oħra diġá bdejt naħdem bħala amminstratur sportiv fil-kariga ta’ CEO ta’ Depiro Basketball Club, fejn wara d-daqqa tal-pandemija qed naraw il-club jikber mhux biss fil-basketball iżda anke fi sport ieħor fejn din is-sena se nkunu qed nil­ħqu madwar 1,000 tifel u tifla taħt it-18-il sena f’diversi attivitajiet sportivi.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari?

Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi u lil sħabi li jissaportjawni ħafna fl-isport.

Nirringrazzja lil Andrea Paccarie li kien mentor taj­jeb ħafna dawn l-aħħar snin fejn ħdimna fis-settur tan-nazzjonal u li tgħallimt ħafna minnu.

Nixtieq ngħid grazzi lill-Kumitat Olimpiku Mal­­ti u lil Malta Basketball Association, li bl-għajnuna tiegħu rnexxieli nakkwista scholarship ta’ l-ogħla li­vell li ħaditni nitgħallem fl-Istati Uniti.

Nirringrazzja lill-kumitat ta’ Depiro Basketball Club fejn tani opportunitá biex inkompli nikber bħala coach u issa wkoll bħala amminstratur tal-club.

Bħala coach ta’ daqstant suċċess fil-basketball lokali tista’  tgħaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball?

Min irid jagħmel kar­riera fil-basketball irid jaħ­dem għaliha, bħalma jaħ­dem fl-iskola.

Josephine Grima, Kurt Cassar u Samuel Deguara huma eżempju ta’dan. Jekk għandek ħolma, aħdem għaliha u għalkemm it-triq taf issibha diffiċli, jekk ma taqtax qalbek, tirnexxi!

Il-motto tiegħi li ngħaddi lill-players huwa dan: Nothing is given, it is ear­ned! … xejn ma jiġi waħdu iżda trid taħdem għalih.

Ekonomija

Sport