Sunday, November 24, 2024

Intervista ma’ Terence Agius … captian ta’ Zabbar St Patrick

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Missieri ffissat fuq il-football u kien proprju hu li dejjem xtaq li kemm jien kif ukoll żewġ ħuti oħra, li wieħed minnhom għadu jilgħab sal-lum il- ġurnata ma’ Mgarr Uni­ted, inkunu nilagħbu l-football.

Kont dħalt nilghab fin- nursery ta’ Pietá Hotspurs ta’ erba’ snin u niftakar kont nitla’ nara l-loghob tal-kbar f’Ta’ Qali tal-istess team bit-tama li xi darba nilgħab magħhom.

Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Pietá Hotspurs u ma’ Balzan?

Ma’ Pietá Hotspurs għandi biss memorji sbieħ u  kliem ta’ tifħir għal dan il-club.

Tlajt minn din in-nur­sery fejn ingħatajt iċ-ċans nilgħab mal-kbar meta kelli biss 16-il sena. Magħhom irbaħt bosta unuri fil-livell tal-Youths u promozzjoni għall-Kampjonat Premier fejn imbagħad kont ingħaqadt ma’ Balzan.

Ma’ Balzan niftakar li konna lħaqna l-għan ewlieni li niksbu post fl-Ewropa fejn anke ddebuttajt fil-UEFA Europa League ta’ 20 sena.

L-affarijiet xtaqthom  li mar­ru aħjar ma’ dan it-team peró xorta waħda nirringrazzja lill-president Anton Tagliaferro tar-rispett li dejjem urieni.

Kienet esperjenza li għallmitni ħafna u ma jiddispjaċini xejn li qattajt dak iż-żmien ma’ dan il-club. L-uniku diżappunt jibqa’ dak li ma rnexxilniex nirbħu l-kampjonat fl-istaġun 2016/17.

X’taħseb dwar dak kollu li urejtu matul l-aħħar staġun bħala Sirens?

Nemmen li t-team kellu potenzjal iktar minn kemm wera. Ma konniex konsis­tenti u dak kien il-fattur ewlieni għalfejn spiċċajna fejn spiċċajna. Fuq livell personali kont kuntent wara staġun mhux faċli li rnexxieli nilgħab il-logħob kollu.

Kif qed tħares lejn din l- esperjenza l-ġdida ma’ Zabbar SP?

Qed inħares ‘il quddiem ħafna għal din l-avventura l-ġdida. Minn meta ltqajt mal-president Kevin Deguara u d-direttur sportiv Edward Calleja mill-ewwel ħassejt li dan hu setup li nixtieq naħdem fih.

Hemm nies professjonali fil-club ta’ Zabbar SP li jagħmilha faċli għall-player biex jikkonvinċi ruħu jingħaqad magħhom.

L-għan aħħari huwa wieħed, li nirbħu u nġibu r-rizultati u dak huwa l-objettiv tiegħi f’dan l-istaġun.

X’tikkummenta fuq il-coach Borislav Giorev u l-kumitat ta’ Zabbar SP?

Il-coach Borislav Giorev mhuwiex wiċċ ġdid għall- football Malti u lanqas għal dawn id-diviżjonijiet fejn ikkowċja u anke rebaħ meta kkompeta fihom. Qed nittrenjaw b’mod intensiv ħafna miegħu u diġá beda juri xi jrid minn kull wieħed minna.

Il-kumitat huwa ħabrieki ħafna b’nies ġodda li daħlu din is-sena flimkien ma’ oħrajn li ilhom snin twal iservu fil-kumitat tal-club.

Kull m’għandi xi ngħid huwa biss kliem ta’ tifħir għax laqgħuni mill-ewwel. Kulħadd bl-irwol tiegħu u jaħdmu kuljum mingħajr ebda daqq ta’ trombi.

Mill-akkwisti li għamiltu, tidhru li l-ambizzjoni­jiet tagħkom huma li tiġu promossi fiċ-Challenge League, hux hekk?

Kif għidtlek, aħna se ninżlu għal kull logħba biex nirbħu u tiġi naturali li b’hekk il-promozzjoni hija l-objettiv tagħna.

Il-club investa fi players ta’ esperjenza, players fl-aħjar żmien tagħhom, u players żgħażagħ promettenti li kollha nistgħu ngħinu lil dan il-club jilħaq il-miri tiegħu.

Ta’ min isemmi lill-players tal-club stess u nistqarr li kont sorpriż bil-livell tagħhom għax nemmen li hemm minnhom li jistgħu jagħmluha sal-Kampjonat Premier jekk jieħdu din l-opportunitá u jittrenjaw bis-serjetá.

X’qabża qed tħoss għall-fatt li mill-Premier, qed tilghab fl-Amateur League?

Il-qabża tinħass bilfors fil-logħba u fl-avversarju peró nittamaw li ma nku­nux li aħna naddattaw għall-Amateur League iż­da t-team tagħna jaddotta sistema ta’ team tal-Premier fejn anke l-livell tal- football ikun tajjeb.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-players Maltin?

Fuq livell ma nħossx li jien nista’ nikkummenta fuq players oħra, peró fuq trattament nista’ naċċertak li l-Malti huwa stmat inqas mill-barrani.

Jekk tiġik opportunitá li tmur tilgħab barra minn xtutna, teħodha?

Illum inħoss li hija diffiċli li tiġini dik l-opportunitá, peró, inħeġġeġ lil kull min għadu żgħir biex jagħmilha għax dik hija l-unika riċetta biex player Malti jitjieb fil-livell.

Kemm int kuntent bil-grounds fejn tilagħbu l- logħob tagħkom?

Ftit. Hemm ħafna pit­ches li jintlagħbu l-kampjonati tad-divizjonijiet inferjuri li jistgħu jkunu ħafna aħjar.

Nifhem li bħala pajjiż aħna limitati peró li l-pitches uffiċjali jirdu jiġu ‘re-surfaced’ kontinwament  fejn għandha tkun in-norma.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees fil-kampjonati lokali?

Ngħid li huwa wieħed tajjeb u nħoss li r-referees saru jħallu iktar il-logħba għaddejja, li jien personali naqbel magħha.

Rajna ħafna referees li marru jikkontrollaw kompetizzjonijiet Ewropej u naħseb li dan huwa ċ-ċertifikat li r-refereeing qed jitjieb.

X’inhuma s-sagrifiċċji li player tal-football irid jagħmel sabiex itejjeb il-livell tiegħu?

Is-sagrifiċċji huma kontinwi, x’tiekol, kemm tistrieħ, li tmur il-gym apparti t-taħriġ mal-club u li tiddedika kull tmiem il-ġim­għa u sajf għat-taħriġ u logħob.

Peró fl-aħħar mill-aħħar mingħajr is-sagrifiċċju ma jiġi l-ebda suċċess u s-sag­rifiċċju huwa parti mir-rutina tal-player.

Għad hawn il-maġġoranza tal-players lokali li jmorru għax-xogħol filgħodu u jit­trenjaw filgħaxija li wkoll huwa sagrifiċċju ta’ kuljum.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-football?

Erġajt bdejt naħdem ma’ kumpanija privata f’Malta wara tliet snin li kont full-time footballer. Min-naħa tal-employer sibt għajnuna kbira li nkun flessibli fil-ħinijiet li naħdem biex inkun nista’ nsib il-ħin għat-taħriġ u l-istudju hekk kif wasalt fl-aħħar ftit biex niggradwa fl-ACCA.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-football?

Ma tantx jien persuna li nħobb naħseb fil-futur peró bħalissa fil-preżent qiegħed nilgħab ma’ Zabbar SP u nixtieq li nibqa’ hawn għas-snin li ġejjin.

Nittama li nibqa’ fiżikament tajjeb biex inkun nista’ ngawdi l-logħba kemm jista’ jkun.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-football.

Li dejjem tittrenja u tkun lest biex meta jiġik iċ-ċans tieħdu u ma jkollokx rimorsi li stajt għamilt aħjar.

Ħudu l-pariri tajbin tal-coaches u emmnu fikom infuskom anke meta ma tkunux għaddejjin mill-aqwa fażi fil-karriera.

Sfortunatament l-opportunitajiet f’pajjiżna xorta għad­hom limitati u b’hekk inħeġġeġ lil kull tifel jew tifla biex mal-ewwel ċans li jiġihom biex jesperjenzaw il-football professjonali bar­ra minn xtutna, ma jaħsbuhiex darbtejn.

Li tmur tilgħab barra minn Malta, qatt mhi se tkun esperjenza ħażina għax dejjem se titgħallem u se tikber u timmatura kemm bħala player kif ukoll bħala persuna!

Sport