Sunday, December 22, 2024

Intervista ma’ Tom Saintfiet … li wassal lill-Gambja sal-kwarti-finali tal-AFCON

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Tom Saintfiet twieled fid-29 ta’ Marzu, 1973 fil-belt ta’ Mol fil-Belġju. Hu­wa għandu l-liċenzja UEFA Pro u huwa l-iżgħar coach li qatt mexxa club f’pajjiżu fl-etá ta’ 24 sena. 

Lagħab football bejn l-1983 u l-1997 ma’ clubs Bel­ġjani bħal Westerlo, KFC Lommel u KFC Verbroedering Geel. 

Madankollu kellu jieqaf b’mod bikri fl-etá ta’ 24 sena sabiex eventwalment beda l-karriera ta’ coach. 

Saintfiet jinsab fir-raba’ post fil-klassifika tal-iktar coaches b’numru ta’ partiti internazzjonali wara Guy Thys, Marc Wilmots u George Leekens. 

Huwa għandu baċellerat fil-psikoloġija tal-isport u fis-snin li għaddew ħadem ukoll bħala kummentatur tekniku għat-televiżjoni Bel­ġjan. 

Saintfiet huwa wkoll l-awtur ta’ ktieb partikolari bl-isem ta’ Trainer Zonder Grenzen li jfisser Taħriġ bla Fruntieri fejn jagħti ħarsa lejn il-karriera tiegħu ta’ coach u l-filosofija li jħad­dan. 

Huwa mexxa diversi clubs fil-Belġju, Qatar, Ġermanja, Faroe Islands, Finlandja, Ġordan u l-Olanda. 

Huwa kien ukoll fir-responsabbiltá ta’ diversi ti­mijiet  nazzjonali mill-Afrika fosthom Namibja, Zim­bab­we, Etijopja, Malawi u Togo u issa l-Gambja.

Qabel ma’ mar jikkowċja n-Namibja, kien ittanta xortih fil-Premier League Finlandiż ma’ ROPS Ro­va­niemi.

Fis-sena 2002, Saintfiet kien fit-tmun tat-team mill-Faroe Islands, B71, fejn spiċċa fit-tieni post tal-klassifika. 

Wara mar il-Qatar u ħa f’idejh it-team ta’ Al Gharafa Sports Club għal perjodu qasir. F’dan l-istess żmien il-federazzjoni ta’ dan il-pajjiż fdatlu f’idejh it-team nazzjonali ta’ Taħt is-17-il sena u għenhom jispiċċaw fit-tielet post tal-kampjonati Asjatiċi u eventwalment ikkwalifikaw għall-Kampjonati tad-Dinja tal-FIFA.

Qabel it-Tazza tad-Dinja tas-sena 2010 kien kandidat prospettiv li jmexxi lin-Ni­ġerja f’dan it-tournament. 

Huwa mexxa wkoll lil Trindidad and Tobago iżda kulma dam kien biss xahar għax wara erba’ logħbiet Saintfiet irriżenja. 

Ħafna mill-kuntratti tie­għu kienu qosra l-iktar minħabba fondi limitati mill-pajjiżi fejn kien jikkowċja. 

Huwa kapaċi jitkellem b’erba’ lingwi l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa bħa­la coach tat-team naz­zjo­nali tal-Gambja?

Meta ħadt it-tmun ta’ dan it-team lura f’Lulju tal-2018, il-Gambja kienet ilha ħames snin ma tirbaħ partita kompetittiva, f’Settem­bru 2013, kontra t-Tanżanija (2-0) fil-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. 

Ma kien hemm l-ebda tama … it-team kien fil-172 fir-rankings tal-FIFA. Iżda kelli proġett u minn kif qed juru r-riżultati, naħseb li mexjin fit-triq it-tajba! 

… u dwar l-esperjenza tagħkom fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani fejn irnexxielkom taslu sal-kwarti tal-finali? 

Anke qabel bdiet din il-kompetizzjoni, jien dej­jem indirizzajt lill-media billi għedt li aħna l-underdogs, u li konna qegħdin fl-imsemmija kompetizzjoni biex nitgħallmu.

Fil-fatt, għalkemm ksibna riżultati tajbin f’din il-kompetizzjoni matul din is-sena, xorta waħda se jkollna ngħaddu mill-pro­ċess ta’ qabel il-kwalifikazzjoni għall-AFCON fl-2023 peress li aħna fost it-12-il team l-agħar klassifikati fil-football Afrikan. Dan juri kemm aħna żgħar iżda naturalment l-ambizzjoni tiegħi hija li nibni xi ħaġa li tkun aktar fit-tul.

Ma nistgħux nilmentaw dwar kif mar il-kampjonat. Bħala Gambjani, kien me­raviljuż li nkunu hawn għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż fit-Tazza tan- Nazzjonijiet tal-Afrika.

Il-Gambja tinsab fil-150 post fir-rankings uffiċjali tal-FIFA, u bħala debuttanti irnexxielna naslu sal- kwarti tal-finali fejn sfajna eliminati biss mill-ospiti, il-Kamerun.

Naturalment kellna ambizzjonijiet imma ma staj­niex nimmaġinaw dan.

Konna nafu li kellna kwalitajiet wara li rbaħna l-grupp ta’ kwalifikazzjoni tagħna kontra l-Angola, il-Kongo u l-Gabon. Huma kollha pajjiżi rispettati iżda qatt ma kellna esperjenza ta’ tournament kbir.

Nistgħu naraw players tal-Gambja jilagħbu f’kam­pjonati maġġuri fl-Ewropa fiż-żmien li ġej?

Bħalissa, għandna żewġ players fil-League Two fl-Ingilterra – Ibou Touray ma’ Salford City u Ebou Adams ma’ Forest Green Rovers. F’għajnejja huma meraviljużi u jistgħu ji­lagħbu ogħla minn dan il-livell.

Għandna wkoll lil Modou Barrow, li huwa ex player ta’ Swansea u Reading u issa qed jilgħab fil- Korea t’Isfel fil-K-League 1 ma’ Jeonbuk Hyundai Motors. Madankollu, nista’ ngħid li għandi players oħra li joħolmu li kapaċi jagħmluha kemm fil-Premier League fl-Ingilterra u anke fis-Serie A fl-Italja.

Id-difensur ċentrali tagħna Omar Colley huwa miżżewweġ mara Ingliża u ilu l-aqwa player għal ħafna snin fis-Serie A ma’ Sampdoria. Inqis li dan il-player, iżda, jkun perfettament adattat għall-Premier League.

Naturalment, l-attakkant tagħna Musa Barrow li jilgħab ma’ Bologna fl-Italja huwa player żagħżugħ b’ħafna kwalitajiet u kien marbut fil-passat ma’ timijiet tal-Premier League. Fil-Kamerun wera l-importanza tiegħu għat-team.

Ejjew inkomplu nitta­maw u naħdmu biex players tagħna jkunu jistgħu jagħmluha ma’ clubs elite fl-Ewropa.

Dan il-vjaġġ tal-ħolm tagħ­kom bħala team naz­zjonali ntemm fil-kwarti tal-finali kontra l-Kame­run. X’tikkummenta?

Li rnexxielna naslu sal- kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni diġá kien tragward uniku għalina.

Ikolli nistqarr li l-Kamerun kienu superjuri għa­lina u ta’ livell ieħor u finalment kien jimmeritahom li jirbħu. Madankollu, xorta waħda nħossni ferm kuntent u onorat li rnexxielna naslu s’hawn!

Dan kollu jindika li l-futur għat-team nazzjonali tal-Gambja huwa tabilħaqq wieħed sabiħ…

Għandna grupp żagħ­żugħ ta’ players li jistgħu jikbru xorta. Huwa importanti li nużaw din l-ewwel esperjenza fl-AFCON biex nikkwalifikaw aktar ta’ spiss – fl-2023, 2025 u forsi anke biex inkunu fit-Tazza tad-Dinja fl-2026.

Urejna f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs dak li nistgħu nagħmlu wara li rbaħna l-grupp ta’ kwalifikaz­zjoni tagħna u ġejna draw man-Niġerja fil-kampanja preċedenti tagħna. 

Għelibna wkoll lill-Marokk f’partita ta’ ħbiberija barra minn darna. Kellna riżultati taj­bin kontra timijiet kbar u għalhekk konna nafu li konna kompetittivi.

Bħala team, il-mira tagħna hija ferm ogħla minn dak li kkomunikajna lill- pubbliku. Aħna qegħdin fit-triq it-tajba u dejjem nistgħu nitgħallmu mil- limitazzjonijiet tagħna.

Tista’ toħlom, iżda huwa fil-ground li trid tagħmel il-ħolm realtá.

Ma nistgħux ma nsemmux l-esperjenza qasira fit-tmun tat-team nazzjonali Malti ….

Kienet esperjenza qasira wisq għalija iżda xorta waħda nibqa’ ngħożżha fil-karriera tiegħi. Ma kellix iċ-ċans naħdem biżżej­jed u kemm xtaqt, peró nawgura l-aqwa ġid possibli lit-team nazzjonali Malti, fejn għadni nsegwi lil dan it-team u qed nieħu gost narah jagħmel ċerti avvanzi taħt il-gwida tal-coach Devis Mangia. 

Ekonomija

Sport