Thursday, December 26, 2024

Intervista mal-atleta Jacob El Aida Chaffey

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor?

Ipprattikajt ħafna sport matul il-karriera tiegħi fosthom l-għawm,  il-football, handball, regatta u ħafna aktar. Minkejja dan, min dejjem rajt li kelli potenzjal fil-ġiri speċjalment meta kont nilgħab il-football.

Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika 11-il sena ilu ta’ tmien snin.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Il-ġenituri ndunaw li jien u ħija kellna potenzjal fil-ġiri u għaldaqstant darba missieri ħadna t-trakka tal-ġiri il-Marsa biex nikkompetu bejnietna u kien proprju dakinhar fejn il-coach tagħna Mark J. Farrugia kien kellem lil missieri biex nibdew nip­prattikaw dan l-is­port.

Dak iż-żmien bdejna nagħmlu dixxiplini ta’ sports f’daqqa: l-atletika, l-għawm u l-football, peró ‘l quddiem għażilna l-atletika minħabba li rajna li kellna potenzjal akbar mill-isports l-oħra.

Liema kienet dik il-persuna li ispiratek biex tagħ­żel l-atletika?

Kien hemm aktar min persuna waħda li ispiratni biex nibda l-atletika.

Usain Bolt huwa persuna magħrufa minn ħafna li ispirani ħafna minħabba mhux biss il-ħinijiet impressjonanti tiegħu iżda kif ukoll il-karattru tiegħu u kien proprju hu li ġibidni lejn din it-triq.

Christain Coleman hu­wa persuna oħra internaz­zjonali li jispirani minħabba l-ħruġ perfett li għandu. Inħossni fortunat li kelli ċ-ċans nikkompeti ħdejh fl-2018.

Thomas Farrugia u Nicole Gatt kienu wkoll żewġ persuni lokali li ispirawni biex nagħżel dan l-isport meta kont għadni bejn ħalltejn liema sport kont se nagħżel.

Id-determinazzjoni u l-kisbiet tagħhom dejjem ħallew impatt fuqi ta’ kif inħares lejn l-isport.

Liema unuri prinċipali rnexxielek tikseb fil-karrie­ra tiegħek?

Hemm bosta unuri li rnexxieli nikseb matul il-karriera tiegħi.

Dawn prinċipalment hu­ma: l-ewwel post fil-100m u 200m fil-kampjonati naz­zjonali għal tliet snin konsekuttivi.

Irnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali tal-100m u tal-200m ta’ taħt l-20 sena.

Ikkwalifikajt għas-semi- finali fil-kampjonati tal- Ewropa ta’ Taħt it-18-il sena u ta’ Taħt l-20 sena. Ikkompetejt fil-Kampjonati tad-Dinja tal-kbar tal-’indoor’ ta’ 16-il sena, fejn kont l-iżgħar atleta waqt dawk il-logħob u rnexxieli nieħu sehem fil-Logħob Olimpiku taż-Żgħar fl-2018.

Irnexxieli nirbaħ ukoll l-unur tal-atleta tas-sena għas-sena 2020 ta’ taħt l-20 sena.

Kif żammejt ruħek attiv waqt l-imxija tal-coronavirus?

Irnexxieli nżomm ruħi attiv billi għamilt ċerti eżerċizzji li tani l-coach tiegħi fejn stajt nuża ċerti affarijiet li sibt id-dar stess. B’hekk stajt inżomm lili nnifsi attiv maul dan il-perjodu diffiċli.

Waqt il-perjodu tal-ewwel lockdown għaddejt ukoll minn mumenti diffiċli minħabba affarijiet personali.

Tlift kull tip ta’ motivazzjoni u jkolli nistqarr li ma bqajt iffokat għall-għan prinċipali.

Għalhekk ir-rebħa tal- kampjonati nazzjonali li għaddew kienet aktar minn rekord nazzjonali jew midalja tad-deheb għa­lija, imma kienet ukoll reb­ħa kontra l-perjodu diffiċli li kont għaddej minnu personalment.

Għalhekk huwa impor­tanti li waqt iż-żmien tal-pandemija tieħu ħsieb lilek innifsek mhux fi­żi­kament biss, iżda anke mentalment.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek s’issa?

L-aħjar ħin tiegħi s’issa kien dak ta’ 10.74s fil-100m li rnexxieli nikseb waqt il-kampjonati nazzjonali li għaddew u 21.80s fil-200m meta kkompetejt fil-Lo­għob Olimpiku taż-Żgħar ġewwa l-Arġentina … it-tnejn huma rekords nazzjonali ta’ Taħt l-20 sena.

Temmen li l-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u promozzjoni … jew dan isir waqt kompetizzjoni­jiet importanti bhal ma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Nemmen li f’dawn l- aħħar xhur  il-media tejbet ix-xogħol tagħha biex twassal aktar informazzjoni dwar l-atletika f’Malta, speċjalment bir-“rebranding” ta’ Athletics Malta.

Minkejja dan nemmen ukoll li xorta għadna lura fil-pubbliċitá speċjalment meta tikkomparana ma’ pajjiżi barranin.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Iva … naħseb li kull sportiv ikollu l-ħolma tiegħu.

Nixtieq li xi darba nikser ir-rekord nazzjonali tal-kbar fil-100m u 200m, kif ukoll bħal ħafna mill-atleti, nixtieq nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olim­piku.

Iżda nixtieq li mhux biss nieħu sehem imma anke nikkwalifika għal dawn il-Logħob mingħajr l-għajnuna tal-‘wildcard’, jekk jista’ jkun ma’ ħija wkoll.

Nixtieq ukoll li nkun ta’ ispirazzjoni għal atleti oħra u forsi ‘l quddiem nik­kowċja xi atleti ukoll.

X’sagrifiċċji jew impenn jitlob l-isport li int tipprattikka?

L-atletika mhuwiex sport fejn tista’ jiddependi fuq nies oħra. L-atletika huwa sport fejn id-deċizjo­nijiet li tieħu se jaffettwaw lilek direttament.

Għalhekk jirrikjedi ħafna sagrifiċċji fosthom il-ħruġ, speċjalment meta tkun għadek kif lestejt it-taħriġ u tkun taf li l-għada għandek kompetizzjoni.

Importanti wkoll li ma tieħux ħelu u alkoħol speċjalment fi żmien l-istaġun … għalhekk hemm bżonn tkun dixxiplinat sew.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’tikkummenta?

Jien inħobbha ħafna l-kompetizzjoni u nemmen li mingħajr il-kompetizzjoni ma tistax tikseb ħinijiet tajbin. Jien perusna ċajtier u nieħu gost ħafna niċċajta ma’ atleti oħra imma meta tkun fuq il-linja – dak ħin is-serjetá.

Waqt it-taħriġ tiegħi, inħobb nikkompeti ma’ sħabi u speċjalment ma’ ħija, biex b’hekk inħeġġu lil xulxin niksbu affarijiet li nkunu ħsibna li ma nistgħux niksbu.

X’kompetizzjonijiet prin­ċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Minkejja li ħafna mill- kompetizzjonijiet ġew pos­posti jew mħassra, qed nimmira li nikkompeti fil-kampjonati tad-dinja ta’ Taħt l-20 sena kif ukoll fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna stess, fl-2023.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis- serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika?

L-atletika hija sport sabiħ ħafna li jibnik f’persuna b’saħħtek mhux biss fiżikament iżda wkoll mentalment.

Inħeġġeġ ħafna lil atleti oħra anke minn sports differenti biex tal-anqas jikkompetu darba f’ħajjitom … qatt ma tista’ tgħid fejn tista’ twasslek opportunitá waħda.

Emmen fik innifek u qatt taqta’ qalbek speċjalment meta nies oħra jipprovaw iżommuk lura. Fil-ħajja kollox possibbli meta tpoġġi moħħok hemm!

Xejn ma jiġi waħdu … u s-suċċess trid taħdem għalih … peró meta tasal fit-tragward tiegħek … tħossok l-aktar bniedem kuntent!!

Ekonomija

Sport