Friday, November 15, 2024

Intervista mal-goalkeeper ta’ Birkirkara … Amara Sylla

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Naħseb meta kelli tliet snin bdejt nilgħab il-football. 

Il-logħba tal-ballun  minn dejjem għoġbitni u jien kelli lil missieri li kien jilgħab il-football ma’ diversi clubs Maltin u Għawdxin. Jien kont immur narah u kont dejjem noħlom li nsir bħalu. U llum ninsab hawnhekk nilgħab ma’ Birkirkara FC bħala goalkeeper.

Kif għażilt li tilgħab bħala goalkeeper meta tqis li missierek, Dybril, kien jil­għab bħala difensur?

Ħafna nies isaqsuni din il-mistoqsija. Jien ngħid li titwieled bħala goalkeeper, ħadd ma jġiegħlek tilgħab f’pożizzjonijiet li ma tixtieqx. Jien minn dejjem kien jiġbidni dan l-irwol bejn il-lasti u aktar ma għadda ż-żmien, aktar sirt nieħu gost. Tassew ninsab kuntent issa iktar u iktar għax bdejt nilgħab fl-ew­wel ħdax ta’ Birkirkara, l- akkademja li ilni tant magħ­ha.

Kif tiddeskrivi din il-mixja fin-nursery ta’ Birkirkara?

Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li ninsab f’waħda mill-aqwa nurse­ries li hawn fil-Gżejjer Maltin. Hemm coaches pa­ċenzjużi ħafna, jgħal­lmuk il-ħiliet tant neċessarji fil-football filwaqt li tibda tieħu l-esperjenza tiegħek bil-mod. Ftit ftit jekk tisma’ mill-coaches jirnexxielek tasal fil-livell li tixtieq int. Minn hawn nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-coaches kol­lha li tħarriġt magħhom f’dawn is-snin kollha f’din in-nursery. 

Semmejt l-ewwel mumenti tiegħek fil-Kampjonat Premier ma’ Birkirkara. Tista’ tgħid li ġiek iċ-ċans u ħadtu. Kif qed tgħix dan iż-żmien partikolari?

Ninsab kuntent li ġieni ċ-ċans nilgħab mal-ewwel 11 ta’ Birkirkara. Għalija dan hu pass kbir ‘il qud­diem fil-karriera tiegħi u dan l-istess ċans ħadtu  mill-ewwel. 

Se naħdem qatigħ sabiex inżomm posti għax verament irrid ngħin lil dan it-team li tani ħafna matul dawn is-snin u issa se nkun qed inroddilhom lura l-fiduċja li dejjem tawni. 

Fil-logħba kontra Gzira United, int kont ivvutat bħala l-BOV Player tal- Partita. Kif ħassejtek meta smajt ismek minn fuq il-PA System?

Biex ngħidlek is-sew għall-bidu ma tajtx każ li kont ivvutat bħala l-BOV Player tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti.  

Dak il-ħin kont ferm ikkonċentrat f’din il-partita speċjalment lejn l-aħħar meta Gżira United bdew jagħfsu mhux ftit sabiex iġibu l-iskor indaqs. Imbagħad membru talfamilja nfurmani li verament kont meqjus bħala l-aqwa player f’din il-partita u kont ferħan se ntir. 

Taħseb li għandkom team li hu qawwi biżżejjed li tistgħu tirbħu l-kampjonat?

Jien ninsab mija fil-mija ċert li aħna se nkunu fost il-protagonisti ta’ dan il- Kampjonat Premier u nin­sab konvint li kapaċi nirbħu l-kampjonat. 

Issa li ninsabu f’pożiz­zjoni tajba fil-klassifika qed nemmen aktar minn qatt qabel. 

Għandna skwadra b’potenzjal enormi u għalhekk kapaċi nkunu tajbin f’kull logħba li nilagħbu. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-coach ta’ Birkirkara, André Paus?

Nista’ ngħidlek li André Paus huwa wieħed mill-aqwa coaches li qatt kelli kemm ilni nilgħab. 

Huwa kellu fiduċja fija sa mill-bidu u verament jaf x’inhu jagħmel. Juża tattika u teknika tajba ħafna filwaqt li ma joqgħodx iħares lejn ismijiet iżda jilgħab min verament ikun ħaqqu. 

U x’inhi l-opinjoni tie­għek dwar il-kumitat ta’ dan it-team immexxi mill- president Michael Valenzia?

L-ewwelnett nirringraz­zja lill-president innifsu li dejjem emmen fija u tani l-kuraġġ tant meħtieġ. 

Hu kumitat li jaf x’inhu jagħmel u jħaddem moħħu sabiex dejjem jiġu ak­kwistati l-aqwa elementi possibbli. 

Kemm qed titgħallem mill-goalkeeper titolari ta’ Birkirkara li bħalissa jin­sab imweġġa’, Daniel Marcio Fernandes?

Daniel Marcio Fernan­des huwa ferm iktar minn kollega u goalkeeper. 

Inqisu bħala t-tieni coach tiegħi, bejnietna m’hemmx rivalitá anzi hemm rispett reċiproku

Hu jħobb ħafna jagħtini diversi pariri u jien inħobb nisma’ minnu għax hu għandu esperjenza kbira filwaqt li lagħab ma’ diversi timijiet prestiġjużi. 

Kemm int kuntent bil-grounds fejn qed jintlagħb fih il-Kampjonat BOV Premier?

Biex ngħidlek il-veritá s’issa lgħabt biss fl-Ista­dium Nazzjonali u ma kellix iċ-ċans nilgħab f’Tony Bezzina Stadium, f’Kordin.

Nista’ ngħidlek li l- ground f’Ta’ Qali hu ferm sabiħ u togħġobni ferm l- atmosfera li jkun hemm. Dejjem aħjar tilgħab fuq il-ħaxix naturali milli f’dak artifiċjali.

Taqbel ma’ Kampjonat Premier bi 12-il team?

Iva u le. Nemmen li iktar ma jkun hemm timijiet, iktar se jkun hemm kompetizzjoni. Sabiħ li jkollna iktar logħob u fuq kollox tilgħab kontra timijiet differenti. 

Taqbel li team li jieħu sehem fl-ogħla kampjonat Malti jkun jista’ jilgħab bi 11-il player barrani?

Ma tantx naqbel dwar dan kollu. Veru li jekk tkun player Malti tajjeb, xorta se ssib postok mal-ewwel ħdax iżda mbagħad naħseb players oħrajn lokali ftit se jkollhom ċans jesprimu ruħ­hom kif suppost u forsi jilagħbu ftit. 

Nemmen li għandna ta­lent lokali biżżejjed u m’hemmx għalfejn jiż­diedu aktar players barranin. 

Kif qed tħares lejn it-team nazzjonali Malti? Qed tittama li xi darba tissejjaħ mill-coach Devis Mangia?

Biex inkun għedtlek kollox, diġá kelli esperjenza żgħira nitħarreġ mat-team nazzjonali Malti meta dak iż-żmien bħala coach kien hemm Ray Farrugia. 

Nemmen li bil-perseve­ranza u d-determinazzjoni, kapaċi nissejjaħ fl-iskwadra xi darba jew oħra. 

Jien se nkun qed nimmira għal dan il-pass u huwa għalhekk li nixtieq nilgħab aktar regolari ma’ Birkirkara. 

Għandek xewqa li tilgħab barra minn Malta?

Din hi waħda mill-ikbar xewqat tiegħi li jiġi xi ħadd li jikkuntattjani sabiex nil­għab magħhom. 

Madankollu jien inħobb nieħu l-affarijiet pass pass u ma ngħaġġilx. Ix-xewqa tibqa’ dik iżda l-ewwel irrid nara li nkompli nżid il-livell tiegħi bejn il-lasti. 

Kif qed tara l-futur tie­għek?

Bħalissa għandi kuntratt ma’ Birkirkara li jiskadi fis-sena 2025. Kif għedtlek l-għan hu li nissejjaħ mat-team nazzjonali Malti filwaqt li naħdem għal es­per­jenza barra minn xtutna. Nemmen li kapaċi nagħmilha iżda rrid nirsisti dejjem aktar sabiex dawn ix-xew­qat isiru realtá.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk il-partitarji ta’ Birkirkara li jiġu l- ground jagħtukom is-sapport meħtieġ.

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-partitarji numerużi tagħna li jkunu magħna kull meta nilagħbu. 

Nemmen li għad għandna bżonn ħafna s-sapport tagħ­hom u għalhekk nistieden aktar partitarji ta’ Birkirkara sabiex jiġu l- ground u jagħtuna kuraġġ f’dan il-mument li jien inqisu kruċjali għall-istaġun tagħna. 

Dan l-appoġġ huwa tant apprezzat!

Ekonomija

Sport