Saturday, December 21, 2024

Intervista mal-player Awstraljan tal-waterpolo, Aaron Younger

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Aaron Younger twieled fil-belt Awstraljana ta’ Perth nhar il-25 ta’ Settembru 1991 u llum il-ġurnata għandu 29 sena. Huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa players tal-waterpolo Awstraljan tal-mument.

Qabel beda l-waterpolo, għamel żmien twil jikkompeti fl-għawm fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjo­nijiet internazzjonali fuq bażi individwali.

Beda l-karriera tiegħu mat-team lokali ta’ Fremantle Mariners filwaqt li lagħab ukoll fuq livell internazzjonali fl-Ungerija ma’ Szeged u aktar tard mat-team rinomat ta’ Ferenc­varos Torna Club, qabel ingħaqad mat-team qawwi li jilgħab fis-Serie A1 Taljana, Pro Recco.

Younger jilgħab bħala centre back u kellu ċ-ċans jiddebutta mat-tim nazzjo­nali Awstraljan fis-sena 2009. B’kollox hu lagħab 199 darba ma’ dan it-team. Hu jgħid li hu privileġġ li tirrap­preżenta lil pajjiżek

Hu magħruf għax-xutt qawwi b’idu l-leminija li ftit jagħti ċans lill-goalkeeper avversarju jsalva kif suppost. Mhux ta’ b’xejn li hu għażla naturali mat-timijiet kollha li lagħab magħ­hom fejn dejjem jibda mal-ewwel seba’ players.

Il-player meqjus bħala veteran fil-waterpolo Awstraljan ipparteċipa f’diversi avvenimenti in­ternaz­zjonali bħal World University Games, il-kampjonat mondjali tal-FINA u World League Finals.

Fl-istess waqt huwa ħa sehem f’żewġ edizzjonijiet tal-logħob Olimpiku 2012 f’Londra u 2016 f’Rio de Janeiro. Fl-ewwel esperjenza tiegħu f’Londra, hu kien l-iktar player żagħżugħ tal-grupp.

F’dawn l-avveniment kol­lha sportivi huwa rebaħ numru kbir ta’ midalji sabiex sar wieħed mill-iktar players Awstraljani ta’ suċ­ċess.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Bdejt nilgħab il-waterpolo meta kont żgħir ħafna. Kont imdorri mmur il-pixxina ta’ Perth biex nara l-avveniment sportivi li kien ikun hemm.

Darba kien hemm coach partikolari li ħajjarni nibda fl-għawm u jien aċċet­tajt.

Dan l-istess coach bħal qisu xprunani sabiex nagħ­mel dan il-pass li minn dej­jem xtaqtu u li iżda ma kelli lil ħadd min jinkoraġġini.

Wara xi żmien darba fost l-oħrajn kont lgħabt logħba waterpolo ma’ sħabi. Niftakar li l-ħin ma rajtux għaddej u ridt inkompli nil­għab.

Minn hemm indunajt li din il-logħba kelli tkun dik li nagħmel karriera bi­ha.

Biż-żmien bdejt intejjeb il-livell tiegħi tant li ġejt magħżul biex nilgħab għat-team nazzjonali Awstraljan meta kelli biss 19-il sena.

Kien ta’ unur li rrappre­żentajt lil pajjiżi għal ħafna drabi fosthom iż-żewġ edizzjonijiet tal-Logħob Olimpiku f’Londra u f’Rio de Janeiro.

Kemm hu imporanti li barra li tkun player ta’ waterpolo tajjeb, tkun għaw­wiem mill-aqwa?

Jien ngħid li l-għawm huwa kollox. L-għawm jgħi­nek tikkordina ruħek f’din il-logħba filwaqt li trid tkun ħafif biżżejjed biex tiżgiċċa lill-avversarju tiegħek.

L-għawm jgħinek ukoll sabiex tkun iktar b’saħħtek bħala logħob u fuq kollox li tiżviluppa l-kapaċitajiet tie­għek bħala player. Prattikament b’għawma tajba int tkun player komplut.

Bir-regoli l-ġodda li ġew ivvintati, wieħed irid ikun għawwiem tajjeb biex jirnexxi f’dan l-isport.

Kellek esperjenza mill- aqwa tilgħab fl-Ungerija ma’ Ferencvaros. Xi tgħidli dwar dan it-team?

Ferencvaros hu wieħed mit-timijiet ewlenin li hemm fil-waterpolo Ungeriż. Hu magħruf ukoll fix-xena tal-football internazzjonali.

Magħhom kont ilni sa mis-sena 2018 fejn irbaħt ħafna fejn għandu x’jaq­sam waterpolo f’dan il-pajjiż.

Xtaqt komplejt l-istaġun attwali iżda minħabba l-pandemija tal-Covid-19 dan kollu ma kienx possibbli.

Aktar qabel kelli x-xorti nilgħab ma’ Szeged fejn għamilt tliet staġuni oħra mill-aqwa.

Lgħabt ukoll fil-kampjonat Kroat u Awstraljan fejn komplejt inkabbar l-es­­perjenza tiegħi.

Ilek sena tilgħab ma’ ma’ Pro Recco fl-Italja. Żgur li tinsab kburi li għamilt dan il-pass hux hekk?

Iva żgur li Pro Recco hu wieħed mit-timijiet ewlenin mhux biss fl-Italja iżda wkoll fl-Ewropa.

Hemm kompetizzjoni kbira sabiex issib postok mal-ewwel sebgħa għal­kemm jien qed nagħmel ħilti kollha sabiex inġib fid-diffikultá lill-coach Sandro Sukno.

X’tikkummenta dwar l- esperjenza mat-team naz­zjonali Awstraljan?

Kull darba li lbist il-kappa tat-team nazzjonali Awstraljan, minn dejjem ħas­sejtni kburi. Jien lgħabt ħafna logħbiet f’dawn l-aħħar snin u kull darba li nkun se nilgħab għal pajjiżi nħoss dik ir-res­ponsabbiltá kbira.

Matul is-sajf li għadda irrapreżentajt lil pajjiżi fl-Olimpjadi ta’ Tokjo, fejn ksibna riżultati mħallta. Din tkun it-tielet edizzjoni tal-logħob Olimpiku li ħadt sehem fiha fil-karriera tiegħi sa issa.

… u dwar il-livell tal-waterpolo Awstraljan?

Il-waterpolo f’dan il-pajjiż huwa ferm popolari u għandna livell ferm inte­ressanti.

Dejjem qed nippruvaw nersqu ‘l quddiem lejn li­vell aqwa. Minkejja kollox trid ħafna taħriġ biex ittej­jeb il-livell tiegħek.

Illum il-kompetizzjoni żdiedet u għalhekk trid timxi ma’ dan il-progress sabiex tibqa’ kompetittiv.

Bħala team nazzjonali naħseb li bil-mod il-mod resqin sabiex nagħmlu l-qabża fil-kwalitá.

Qatt għaddielek minn rasek li tiġi tilgħab f’Malta matul ix-xhur tas-sajf fil- kampjonat ewlieni?

Naħseb kieku tkun idea tajba ħafna. Kieku jkolli ċans u x-xorti li nil­għab hawn mhux se ngħid le żgur.

Fit-training camp li kellna fil-jiem li għaddew, konna kuntenti ferm li kellna ċ-ċans nitħarrġu f’Malta.

Huwa post sabiħ fejn tkun u l-ospitalità kienet waħda tal-għaġeb. Li nkunu f’Malta tana ċ-ċans li nkomplu ninbnew bħala team u nippreparaw qabel ma jibda l-istaġun twil li qed jistenniena.

Taħseb li għandkom l-ingredjenti kollha biex staġun ieħor tirbħu kull unur possibbli?

Għandna staġun twil quddiemna bħal dejjem u qed nippreparaw bl-aħjar mod għalih.

L-ambjent huwa tajjeb u kulħadd qed jimxi perfettament. Se jkun staġun twil ħafna din is-sena imma għandna l-ingredjenti kollha biex niksbu affarijiet kbar flimkien.

Kollox jiddependi minn dawk l-aħħar logħob tal-istaġun tas-sena d-dieħla.

Għoġbuk ir-regoli l-ġodda li daħlu fis-seħħ fil-waterpolo fix-xhur li għaddew?

Biex inkun qed ngħidlek kollox, inutli nagħti l-opinjoni tiegħi dwar dan is-suġġett meta tqis li huma l-FINA li timponi u tiddeċiedi kollox.

Aħna rridu nadattaw għal dawn ir-regoli u nippruvaw nidrawhom. Min jikkmanda jagħmel il-liġi u l-protagonisti jridu jad­dattaw għalihom.

Jekk saru dawn ir-regoli sinjal li huma ta’ ġid għall-waterpolo in ġenera­li.

Kif tarah il-futur tie­għek?

Qed inħares li jibqa’ jkolli wirjiet tajbin sabiex nib­qa’ nilgħab f’mod regolari.

Fejn għandu x’jaqsam it-team nazzjonali, nixtieq in­kompli nilgħab għal aktar żmien u ngħin liż-żgħażagħ li telgħin bl-esperjenza tie­għi.

Nixtieqek tgħaddi l- aħħar messaġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu sport ġdid.

Lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista ngħidilhom li qatt m’ għandhom jaqtgħu qalbhom u jibqgħu għaddejjin.

Iva fil-fatt hekk hu! Wieħed għandu jaċċetta l-isfida u jieħu ċ-ċans biex dejjem itejjeb il-livell tie­għu.

Ekonomija

Sport