Sunday, November 24, 2024

Intervista mal-player tal-waterpolo Martha Perici Ferrante

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Minn mindu kont żgħira, il-ġenituri tiegħi minn dej­jem kienu jeħduni l-pitch ta’ Sirens u jiena u nikber dejjem kont insegwi t- taħriġ tal-għawm u tal-waterpolo. 

Għal xi snin jien kont nipprattika s-synchronized swimming iżda meta l-club ta’ Sirens iddeċieda li jagħ­mel team tan-nisa tal-waterpolo, tħajjart u bdejt nittrejna dan l-isport ukoll.

Maż-żmien bdejt niffoka aktar fuq il-waterpolo u għażilt li nkompli nitħarreġ f’din id-dixxiplina.

X’tikkummenta fuq l-is­taġun li għadda ma’ Sirens li fih irbaħtu l-kampjonat?

L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv ħafna għa­lina fejn ħdimna qatigħ bi preparazzjoni għall-kampjonat fejn bl-impenn assolut u b’determinazzjoni ta’ kulhadd irnexxielna nirbħu t-titlu tal-kampjonat, meta wieħed jikkunsidra li kellna team b’etá medja ta’ 16-il sena.  

Nemmen li dan is-suċċess wasal bit-taħriġ li għamilna. Kellna preparazzjoni intensiva taħt il-gwida tal-coach Dale Dowling. 

Kien siewi wkoll is-sapport kontinwu tal-head coach, Marko Orlovic, u l-kumitat li dejjem emmen fina. Naħseb li bid-determinazzjoni u l-kollettivirnexxielna naslu fejn riedna. Nemmen li bħala team aħna beżlin u nieħdu t- taħriġ bis-serjetá. 

L-ewwel logħba kontra Sliema tlifna minħabba l- esperjenza u s-saħħa tagħ­hom. 

Għalkemm fl-ewwel tliet sessjonijiet konna minn fuq, fir-raba’ sessjoni meta bdew jiskorjaw, aħna ppa­nikkjajna u tfixkilna, iżda mbagħad fl-aħħar logħba kontra l-istess Sliema urejna l-grinta u d-determinazzjoni tagħna bħala team. 

U fuq il-fatt li rbaħt l- unur prestiġjuż tal-Player tas- Sena?

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lil min ivvutali, lill-coaches u l-kollegi tat-team tiegħi għax mingħajr­hom ma stajtx nirbaħ dan l-unur. Ninsab kuntenta għax sirt naf li jkun hemm ħafna coaches u uffiċjali tal-clubs li jkunu qed jagħtu l-voti tagħhom għal dan l-unur. 

Il-fatt li rbaħtu ta’ etá daqshekk żgħira jagħtini aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem u ntejjeb lili nnifsi biex sena wara sena nkompli bil-progress tiegħi. 

X’tikkummenta fuq it- tournament li ħadtu sehem f’Ruma fil-ġimgħat li għaddew? Kemm tgħallimtu minn din l-esperjenza?

It-tournamnet li ħadna sehem fih f’Ruma kien esperjenza sabiħa ħafna fejn tgħallimna u rajna tattiċi li lanqas qatt ma rajna qabel.

Għalkemm lgħabna kontra nisa ikbar minna u li huma ħafna aħjar u aktar b’saħħithom minna, xorta rnexxielna naħdmu bħala team, inġibu tkeċċijiet u niskorjawlhom. 

Indunajna wkoll x’differenza kbira hemm bejn il-livell tal-waterpolo barrani ikkumparat ma’ dak ta’ Malta. Dawn l-atleti professjonali jagħmlu sagħ­tejn għawm filgħodu, sie­għa u nofs gym jew taħriġ fuq l-art wara nofsinhar u sagħtejn tattika filgħaxija.

Min-naħa tagħna,  peress li aħna iżgħar u ħafna minna għadna nistudjaw diġá huwa sagrifiċċju għalina u għall-ġenituri tagħna li nitħarrġu sagħtejn kul­jum. 

Fl-għawm kważi kważi konna magħhom fejn ma kellhomx ħafna ħarbiet iżda huma b’saħħithom fi­żi­kament minħabba li jagħmlu ħafna gym allura meta lagħbu bit-tattika tal-pressing bdejna nbatu.

Meta ġew biex jattakkaw kellhom tqassim veloċi ħafna u xuttijiet b’saħħi­t­hom. Din is-sena naħseb li għandna niffukaw fuq ittaħriġ fuq l-art biex fl-ilma nħossuna aktar b’saħħitna.

Dawn l-esperjenzi jgħi­nu fil-progress tal-atleta u nirringrazzja lill-club li ħa din id-deċiżjoni biex jagħ­tina din l-opportunitá. 

X’tikkummenta fuq il-coach Dale Dowling?

Il-coach Dale Dowling huwa persuna determinat u bieżel ħafna, għandu paċenzja kbira għal magħna iżda  jagħmel minn kollox biex jgħinna u biex jgħallimna dak li jaf hu.

Bis-saħħa tiegħu aħna ningħaqdu ħafna aktar flimkien u jieħu interess personali fina. Għandna relazzjoni tajba ħafna mie­għu fejn nirrispetawh u hu jqatta’ ħafna ħin magħna fil-ġimgħa allura sar jafna waħda waħda bil-kapaċitajiet u d-difetti tagħna kol­lha. 

F’dawn is-sentejn li ilu l-coach tagħna għamilna kambjament kbir. Huwa raġel li jħobb jitgħallem kemm mill-head coach Marko Orlovic u meta sifirna ra wkoll x’għamlu l-coaches l-oħra u tgħallem mit-tattiċi tat-timijiet l-oħ­ra u ħa xi ħaġa minn din l-esperjenza wkoll biex fl-aħħar mill-aħħar ikompli jgħallem lilna. 

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’Malta?

Fil-kampjonat tan-nisa f’Malta qed nilagħbu f’pitch żgħir u meta mmorru nikkompetu barra minn xtutna nilagħbu f’pitch kbir. 

Għaldaqstant f’Malta għandna nilagħbu bħalma jilagħbu l-irġiel, fil-pitch il-kbir. Bħala Sirens issa għandna l-pixxina l-ġdida tagħna u allura għandna l-ħin allokat għalina li fih nitħarrġu aktar. 

X’tikkummenta fuq it-team nazzjonali tal-waterpolo tan-nisa ta’ Taħt is-17-il sena, li int membru importanti tiegħu?

Hija esperjenza sabiħa oħra li tkun parti mit-team nazzjonali wkoll. Tħossok onorata li tirrappreżenta lil pajjiżek f’kampjonati fuq livell Ewropew. 

B’dan it-team ta’ taħt is-17 il-sena kkompetejna fil- Kroazja, f’Awwissu li għad­da, u konna rbaħna żewġ logħbiet kontra l-Bulgarija u r-Rumanija, fejn kellna prestazzjonijet po­żittivi. Għalkemm inkunu ġejjin minn timijiet diffe­renti meta nittrenjaw bħala team nazzjonali tispiċċa r-rivalitá li jkollna bejnietna u nibdew naħdmu sew flimkien.

Issa qegħdin nippreparaw għal-Logħob ta’ Kwalifikazzjoni Ewropew li ser isiru f’Malta, f’Marzu 2022.

… u fuq il-coach Anthony Farrugia?

Il-coach, Anthony Farrugia, ilu jikkowċjana allura jaf il-qawwiet u n-nuqqasijiet tagħna sew u jiffoka biex itejbilna l-livell tagħna u waqt it-taħrig ma’ Malta jiffoka fuq l-għawm, tattiċi li nkunu se nagħmlu kif ukoll ħafna leg work għaliex huwa importanti li niffukaw fuq is-saħħa ħalli meta mmorru nikkompetu barra minn Malta nkunu aktar b’saħħitna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Nixtieq li mmur nittrenja u nilgħab barra minn Malta. Din l-ambizzjoni tkompli timlini b’determinazzjoni biex inkompli nitħarreġ u nilgħab fuq li­vell ieħor ma’ club barrani fejn ma’ dawn it-timijiet persważa li nista’ nieħu l-massimu mingħand players aħjar minni u tgħini niżviluppa aktar fil-logħba tal-waterpolo li tant inħobb. 

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo?

Fejn tidħol saħħa, personalitá u karattru huwa utli li t-tfal u ż-żgħażagħ jipprattikaw xi sport.

Nieħu pjaċir ħafna meta nara iżjed tfal żgħar li bdew jilagħbu l-waterpolo għax dan huwa sport fejn jidħol ħafna teamwork u kif kulħadd jista’ jara mir- riżultati, Malta qed tikseb ħafna riżultati pożittivi u rispett mill-pajjiżi kollha.

Għaldaqstant, nixtieq inħeġġeġ lit-tfal żgħar biex jippruvaw jilagħbu l-waterpolo għax ninsab ċerta li ladarba jibdew, jindunaw kemm hu sabiħ speċjalment aħna l-Maltin li aħna mdawrin bil-baħar. 

Sport