Wednesday, December 25, 2024

Intervista mal-player tal-waterpolo Nicholas Bugelli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Kont żgħir meta bdejt dan l-isport. Niftakar li l-ewwel interess beda meta kelli dawk it-tmien snin kont qed inqalleb l-istaz­zjonijiet tat-televiżjoni u nzertajt li kienu qed jagħtu logħba waterpolo. 

Se nkun onest, ma kontx naf li jeżisti dan l-isport fl-ilma u għalhekk aktar qabditni kurżitá. 

Jien interessajt ruħi u bqajt nara din il-logħba.Aktar tard iddeċidejt li nipprattika dan l-isport. Minn hemm  qatt ma ħarist lura komplejt nimraħ f’din il- logħba apparti li bdejt intejjeb il-ħiliet tiegħi.

X’tiftakar  mill-ewwel mu­­­­­­­menti tiegħek tilgħab il- waterpolo?

L-ewwel u qabel kollox ma kontx għadni naf ngħum u għalhekk aktar ip­pruvajt nirsisti. Sibt lill-familja tiegħi tagħtini kuraġġ u tgħini f’dak kollu li kelli bżonn. Mort nin­kiteb mal-club ta’ Marsaskala fejn nistqarr miegħek li tgħallimt ħafna mingħand il-coaches li kienu jħarrġuni. 

Aktar ma beda għaddej iż-żmien, aktar bdejt inħossni kunfidenti fl-għawm tiegħi, fil-movimenti fil-baħar u fil-pixxina u bdejt noqgħod għall-pariri tal- coaches li dejjem rieduli l-ġid.

Minn Marsaskala mort tilgħab ma’ Sliema fejn bla dubju komplejt ittejjeb fuq il-progress li diġá kellek. X’tikkummenta?

Iva naqbel miegħek, wara Marsaskala ħadt it-trasferiment tiegħi ma’ Sliema bħala sfida fejn jien ridt inkompli nirnexxi fejn ovvjament dejjem nibqa’ saqajja mal-art. 

Dan il-club kompla jagħtini ħafna għajnuna u għeni sabiex nikseb aktar fiduċja fija nnifsi. Fuq kollox niftakar li l-coach tat-team nazzjonali Malti, Karl Izzo, kien qalli li kien se jkun hemm kamp ta’ taħriġ fis-sajf ta’ Raymond Fodor u flimkien ma’ Ben Plumpton konna attendejna għa­lih. 

Kien għalhekk li bdejt niffrekwenta l-pixxina ta’ Sliema u bil-mod il-mod bdejt inħossni xi ħaġa tiġbidni lejn dan il-club. Kollox beda minn hawn u komplejt magħhom. Kelli ħafna suċċessi magħhom u nirringrazzjahom ta’ kull opportunitá li tawni.

Liema kienet l-iktar logħba li tiftakar?

L-ewwel logħba li lgħabt mal-kbar bla dubju hi l-iktar waħda li niftakar. 

Kien għad kelli biss 14-il sena u niftakar li l-coach, Sergio Afric, kien daħħalni nilgħab mal-ewwel sebgħa aktar u aktar għax kellna lil Michael Rizzo li kien sospiż. 

Niftakar li konna rbaħna l-partita u jien saħansitra skorjajt żewġ goals. Kien mument ferm għal qalbi li għadni ngħożżu s’issa.

Issa se tkun qed tħalli lil Sliema sabiex tingħaqad ma’ San Ġiljan. Kif qed tħares lejn din l-esperjenza l-ġdida?

Għalija dan hu t-tielet kapitlu tal-karriera tiegħi minħabba li wara Marsa­skala u Sliema, issa jmiss li nilgħab ma’ San Ġiljan.

Qed inħares ‘il quddiem għal din l-esperjenza l-ġdida, ninsab eċċitat immens għal din l-opportunitá li nilgħab ma’ wieħed mill-clubs ewlenin tal-waterpolo Malti. Diġá kelli ċ-ċans nara l-għaqda li għandu l-club fejn il-players u d-diriġenti jaħdmu bħala familja waħda u ninsab determinat li nagħti l-massimu tiegħi anke ma’ dan il-club.

Iżda x’se tħoss ladarba se tilgħab ma’ San Ġiljan kontra l-ex team tiegħek, Slie­ma?

Mhux se nħoss xi affarijiet ta’ barra minn hawn għax jien dejjem qdejt dmiri mat-team li nilgħab mie­għu. 

Jien xorta waħda nirringrazzja lil Sliema talli tawni l-opportunitá nilgħab magħhom iżda kif jgħidu l-Ingliżi, time to move on, issa rrid nħares ‘il qud­diem u naqdi dmiri mal-club li qed nirrappreżenta. Wara kollox din hi l-ħajja ta’ atleta!

X’tikkummenta dwar l- esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali Malti?

Bħal dejjem meta nilbes il-kappa tat-team nazzjo­nali Malti nħossni kburi. Huwa dejjem ta’ unur li nirrappreżenta lil pajjiżi u meta l-coach juri fiduċja fija li jdaħħalni mal-ewwel sebgħa, dejjem nipprova nagħti l-mija fil-mija tie­għi.

Liema hi l-iktar logħba li tibqa’ tiftakar kemm ilek tilgħab mat-team nazzjonali?

Naħseb iktar milli logħba, niftakar il-Kampjonat Ewropew tal-LEN li għalija kien l-iktar wieħed prestiġjuż li qatt ipparteċipajt fih. Niftakar li kont bdejt mal- ewwel sebgħa u saħansitra rbaħna lit-Turkija wara l-għoti tal-penalties.

Semmejt lil Karl Izzo. Dan hu coach li għandu fiduċja fik …

Iva minn hawn nirringrazzja lill-coach Izzo li emmen fil-kapaċitajiet tie­għu u fuq kollox tani l-opportunitá li nieħu sehem f’diversi logħbiet prestiġjużi.

Issa se tkun qed tilbes il-kappa ta’ San Ġiljan. Taħseb li għandkom materjal biżżejjed sabiex jirnex­xielkom tirbħu l-kampjonat?

Nemmen li għandna team bi players ta’ esperjenza u oħrajn żgħażagħ li se jkunu protagonisti fil- logħbiet li ġejjin. 

Żgur li għandna materjal biżżejjed sabiex inkunu kandidati għat-titlu tas-sajf għalkemm importanti li dejjem inżommu saqajna mal-art għax nafu li timijiet oħra se jkunu qed jissaħħu. 

Liema kien l-aqwa player li lgħabt miegħu?

Naħseb li l-iktar player li ħadt pjaċir nilgħab miegħu kien Bulic. Player komplut u ħafif li kulħadd irid li jkun fit-team tiegħu.

U liema hu dak il-player li tak battikata kull meta lgħabt kontrih?

Bla dubju jien insemmi lil Tamas Molnar, player Ungeriż li rebaħ ħafna ma’ Neptunes u li kien diffiċli li timmarkah.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek kif ukoll mat-taħriġ u l-logħob?

Nista’ ngħidlek li jien bniedem organizzat ferm apparti li nqassam ħini bl-aħjar mod possibbli. 

Insib ċans ukoll immur sal-gym speċjalment f’mumenti meta l-kampjonat ikun wieqaf apparti t-taħriġ u l-logħob. Jien nemmen li ssib ħin għal kollox. Trid tkun int li torganizza lilek innifsek.

Taqbel li jkun hemm pixxina oħra li tikkumplimenta ma’ dik li hemm f’Tal-Qroqq?

Iva nemmen li wasal iż-żmien li jkollna pixxina oħra għax dik eżistenti mhux biżżejjed biex fiha wieħed jitħarreġ. Hemm ħin qasir wisq fejn trid tinqasam bejn diversi dix­xiplini relatati mal-għawm. Pixxina msaqqfa tgħin iktar għax dan l-isport li tant ġab unur lil pajjiżna jkun għaddej is-sena kollha. Ma tantx ħadt gost li l-permess li kellu jingħata sabiex tinbena pixxina f’Wied il- Għajn ġie revokat.

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew karriera fil-waterpolo.

L-ewwel u qabel kollox qatt m’għandek taqta’ qalbek, ikollok determinaz­zjoni, xi ftit paċenzja u ħafna taħriġ. 

Fl-aħħar mill-aħħar jirnexxielek tasal fejn tixtieq!

Ekonomija

Sport