Sunday, December 22, 2024

Intervista mat-triatleta Lara Buttigieg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif tħajjart tibda tipprat­tika t-triathlon?

Minn dejjem kont sportiva, u għamilt varjetá  enormi ta’ sport matul ħajti. lmpossibli insemmihom kollha. Biss naħseb li l-iktar sport li ħadt bis-serjetá kienu l-atletika, il-ġinnastika, l-għawm,  il-football u l-karate qabel ma bdejt it-triathlon. Kont anke ballerina meta kont għadni daqsxejn ta’ tifla żgħira!

Kienet oħti, li dak iż-żmien kienet qabdet tipprattika t-triathlon u ħajritni nipprova tellieqa.

Ma tantx kont intiża li nkompli wara din it-tellieqa li kont ipparteċipajt fiha, iżda l-organizzatur kien ħass li kelli  talent speċjali u ppressani ħafna biex nerġa’ nipprova nipparteċpia  f’oħrajn.

Fl-ewwel ftit triathlons dejjem kont qiegħda nik­seb post fuq il-podju u għaldqstant ħassejt li forsi veru kelli  talent, avolja qatt kont ma tħarriġt speċifikament għal dan l-isport.

Infatti, għall-ewwel sena żammejt il-karate bħala l-isport prinċipali tiegħi, u bqajt biss nikkompeti u nit­trenja t-triathlon b’mod sekondarju.

X’tinvolvi eżatt it-triathlon?

It-triathlon tikkonsisti, f’għawma, ċikliżmu u ġirja. Dawn jistgħu jvarjaw fid-distanzi skond x’tip ta’ tellieqa tkun qiegħed tagħmel. 

Pereżempju sprint triath­lon hija qasira, l-Olympic triathlon hija dik li naraw fl-Olimpjadi u tinvolvi 1.5km għawma, 40km ċikliżmu u 10km ġiri. Din hija l-iktar tip ta’ triathlon famuża. Imbagħad issib il-middle distance u long distance kif ukoll ultras.

It-triathlon tista’ wkoll tvarja bħala terran kif ukoll bħala forma ta’ drafting jew non-drafting. Għal dawn it-tliet tipi ta’ triathlon tintuża tip ta’ rota differenti.

It-tip favorit ta’ triathlon tiegħi huwa dak tal-cross country, fejn tintuża l- mountain bike u l-korsa tkun fuq l-offroad.

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek?

Triatleta tas-sena – 2018, 2019; National Cross country triathlon champion 2018, 2019, 2021; National Olympic Triathlon Champion 2019; Italy Xterra champion age group 20-24 – 2016 u Malta Xterra champion age group 25-29 – 2018, 2019.

Riċentement int ħadt sehem fil-Kampjonat Ewro­pew tal-Xterra Triathlon. Tista’ tagħtina iktar dettalji?

Hekk hu, fil-fatt nistqarr li f’dan il-kampjonat umilment urejt li atleti Maltin jistgħu tabilħaqq jilħqu livell kompetittiv fl-isport, anke fil-livell professjonali. Għalkemm jien impenjata wkoll b’karriera oħra professjonali, kif ukoll studju part time, inħoss li kelli wirja impressjonanti meta kkompetejt fil-livell professjonali fil-Kampjo­nati Ewropej tal-Xterra triath­lon.

L-Xterra hija tip ta’ triathlon maqsuma f’1.5km għawm, 40km rota f’korsa off-road, u 10km ġiri f’rotta offroad ukoll. It-tlielaq tal-Xterra jsiru madwar id dinja, ħafna drabi f’foresti u muntanji. Il-Kampjonat tal-Ewropa sar fil-Ġermanja fil-foresti ta’ Zittau.

Jien ikkwalifikajt biex nieħu sehem f’żewġt it­lielaq, fost l-aħjar 15-il atleta fl-Ewropa.

L-ewwel tellieqa kienet dik tax-short track, li ntwe­riet diretta fuq il-media soċjali. Din kienet tellieqa spettakolari ta’ 45 minuta, b’varjetá ta’ ostakli li l-atleti kellhom jgħaddu minnhom kemm bir-rota kif ukoll oħrajn bil-ġiri.

It-tieni tellieqa li saret l-għada, kienet waħda twila u iebsa fejn rat lill-atleti jgħumu kilometru u nofs, u eżatti wara, bir-rota, jitilgħu ‘il fuq minn 1000m f’elevazzjoni fl-ewwel 15-il kilometru ta’ tlajja kontinwi fuq rotot mizgħudin bi blat u tajn.

Wara dawn it-tlajja, l-atleti kellhom ftit inżul tekniċi, u tlajja weqfin oħrajn, qabel ma qabdu l-aħħar niżla għat-“transition area”.

L-atleti malajr biddlu ż-żarbun biex bdew l- aħħar leg tat-tellieqa, fejn kellhom jiġru għal 10 kilometri madwar il-foresta, jaqsmu xmajjar minn fuq iz-zkuk tas-siġar, jiżżerżqu niżliet mimlijin tajn u fl-aħħar jiġru sat-tmiem tat- tellieqa.

Jien tlajt mill-għawma fid-disa’ post, żammejt posti fl-ewwel telgħa kief­ra tat-tellieqa, biss bdejt nitlef il-postijiet hekk kif spiċċajt l-ewwel niżla u erġajt qbadt tiela’ ‘l fuq.

Hekk kif bdejt intemm il-leg tar-rota, bdejt nesperjenza uġiegħ qawwi f’sa­qajja u bdejt inbati biex nispiċċa r-rotta.

Iżda, komplejt nissielet, biex spiċċajt ir-rotta tar-rota u qbadt dik tal-ġiri. Għalkemm l-uġiegħ ma battiex, irnexxieli nkompli niġġieled biex iggwadanjat post f’dan il-leg hekk kif spiċċajt it-tellieqa fit-13-il post.

Jien għadni kemm bdejt ftit snin ilu f’din l-esperjenza tal-Xterra, u nixtieq nesprimi l-ferħ li ħassejt, hekk kif spiċċajt it-tellieqa, waqt li rnexxieli nibqa’ kompetittiva matul il-korsa, avolja ma kinitx waħda faċli, speċjalment ma’ atleti professjonali.

Kien diffiċli għalija li nitħarreġ għal din it-tellieqa peress li f’Malta m’għandniex tlajja kontinwi itwal minn żewġ kilometri … issibha difficli biex issib korsiji fejn tipprattika, hekk kif ħafna mill-parks naturali qegħdin jimtlew bil-konkrit, u wkoll, bin-nuqqas ta’ ħamrija u xita, ftit li xejn kelli ċans nipprattika nsuq u niġri fit-tajn.

Minkejja dan, ninsab ċerta li permezz tat-taħriġ estensiv li qegħda nirċievi, kif ukoll permezz ta’ esperjenzi ta’ tlielaq oħra barra minn Malta, jien inħossni kapaċi li nista’ nkompli nitla’ l-iskaluni fil-klassifika tal-atleti internazzjonali l-oħra, biex nikseb il-ħolma tiegħi li nipparteċipa fil-Kampjonati Dinjija tal-  Xterra f’Maui. 

Ilkoll nafu kemm it-triathlon huwa sport li fih trid tkun aġli immens. X’tikkummenta?

Fit-tlielaq tat-triq, trid tkun aġli biex taqleb minn dixxiplina għall-oħra. Fit-tlielaq drafting trid tkun aġli biex tlaħħaq ma’ attakki fiċ-ċikliżmu. Fit-tlielaq tal-cross country trid tkun aġli peress li tkun qiegħed issuq jew tiġri b’veloċitá fuq terren imħarbat u ħafna drabi tekniku.

Ġieli sofrejt xi injury f’dan l-isport?

Iva, kemm-il darba korrejt f’dan l-isport. Minni nnifsi nbati bil-kundizzjoni tal-osteopenia, li jfisser li ġenetikament, għadmi huwa baxx.

Dan iħallini esposta għal stress fractures fl-għadam kif ukoll nikser għadmi malajr meta naqa’. Bħal kull atleta li jkun għadu jibda l-isport, ma kellix idea kif għandi nittrenja u min huma l-coaches li tas­sew jistgħu jgħinuni, għalhekk kont inbati b’ħafna injuries fil-bidu.

Barra injuries ta’ użu ripetittiv ta’ ċerti muskoli, korrejt ukoll b’waqgħat minn fuq ir-rota … parti­kolarment, din is-sena meta speċjalizzajt iktar fil-cross country.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Din is-sena bdejt nikkompeti fil-kategorija profesjonali. Il-ħolma tiegħi hija li nkompli naqdef f’din il-kategorija u nilħaq il-quċċata tal-atleti Ewropei.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li bħalek qed jitħajru jagħmlu karriera f’dan l-isport tat-triathlon.

Ħudu gost! L-isport qiegħed hemm biex tistrieħ mill-iskola u l-istress tal- ġurnata.

Jekk jogħġbok it-triathlon kun ċert li l-coach għandu kwalifiki tajbin biex jagħtik l-aħjar taħriġ possibli. Importanti wkoll li tipprattikaw kemm jista’ jkun tipi differenti ta’ sport sakemm għadkom żgħar!

Ekonomija

Sport