Saturday, December 21, 2024

“Inti darba stqarrejt dak li naf, li l-Mediterran hu l-ikbar ċimiterju tad-dinja”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-messaġġ tar-residenti fil-Laboratorju tal-Paċi lill-Papa Franġisku

Hekk kif nhar is-Sibt 2 ta’ April  filgħodu il-Qdusija tiegħu Papa Franġisku jibda żjara ta’ jumejn f’pajjiżna, hemm stennija għaż-żjara li hu se jkun qed jagħmel fil-Laboratorju tal-Paċi, liema żjara se tkun fl-aħħar tal-programm tiegħu f’pajjiżna. F’din iż-żjara f’dan il-post, Papa Franġisku se jkun qed jagħmel diskors li hemm stennija għalih. Hemmhekk, Papa Franġisku se jkun jista’ jara b’għajnejh il-ħajja li jgħixu dawn l-iżvantaġġjati.   Se jisma’ il-karba tagħhom. Se jisma’ il-ħolma u t-tamiet li għandhom. Fuq kollox se jara b’għajnejh kif minkejja li hemm persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti, b’reliġjonijiet u kulturi differenti, dawn jgħixu bħala familja waħda.

Dawn ir-residenti, ma naqsux li jagħmu it-tħejjijiet tagħhom għal din iż-żjara. Fost dawn huma kitbu messaġġ li se jkunu qed jgħadduh lill-Papa Franġisku. Talk.mt għandha f’idejha dan il-messaġġ li se jinqara minn Livingstone Ngetuny f’isem il-Laboratorju tal-Paċi. Messaġġ mill-qalb. Emozzjonali. Kelmtejn ta’ tama. Fll-istess ħin imma huma kelmtejn ta’ rabja għat-traġedji fil-Mediterran, li minkejja kull dikjarazzjoni li għandhom jieqfu baqgħu iseħħu. Fil-messaġġ ta’ dawn ir-residenti jispikka il-kliem “Inti darba stqarrejt dak li naf, li l-Mediterran hu l-ikbar ċimiterju fid-dinja”.

L-ittra sħiħa tar-residenti tgħid hekk:

Għażiż Papa Franġisku,

Merħba fid-dar tagħna, il-Laboratorju tal-Paċi. Nilqgħuk fostna, fil-familja tal-Laboratorju tal-Paċi. Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lil Alla ta’ dan kollu, mhux għax jisħoqqilna iżda għax minħabba l-ħniena kbira tiegħu aħna ninsabu hawn u ilna snin hawn.  Kull jum li jgħaddi għalina hu miraklu u mill-qalb nirringrazzjaw lil Alla ta’ kollox u nitobuh jagħtina aktar żmien.

Ilna nisimgħu aħbarijiet tal-ħsieb tiegħek li tiġi Malta u b’mod speċjali f’dan il-kenn tagħna, il-Laboratorju tal-Paċi.  Insejjaħlu kenn għax minn hawn nikseb kollox, kemm l-ikel materjali u kemm dak spiritwali. Din hi d-dar sabiħa tagħna. 

Qabel xejn grazzi ħafna li, minkejja l-impenji tiegħek, ħsibt li tiġi Mata. Merħba bik Papa Franġisku. Din hi darna u hawn joqogħdu ukoll il-merħliet tiegħek. Bħala ragħaj, jista’ jkun li ġejt li tara u tgħodd in-nagħaġ tiegħek jew ġejt tara jekk in-nagħaġ tiegħek humiex imħarsa mill-ilpup. Nista’ nagħtik ftit ħjiel. Uħud intilfu fit-triq waqt li oħrajn ingidmu u ma rnexxiehomx jaslu d-dar. Il-miġja tiegħek fostna ġġedded il-ħniena li l-poplu ta’ din il-gżira żamm dejjem tul is-snin kif stqarr Pawlu fl-Atti.

Għalina l-aħbar tal-miġja tiegħek intlaqgħet minn kulħadd b’ferħ kbir.  Ma nistax infissirlek kemm aħna ħienja li narawk hawn, b’mod speċjali għax int ridt u għażilt li żżur il-famija tagħna, il-Peace Lab. Hawn ħafna postijiet li tista’ żżur f’Malta, hawn ħafna laqgħat li tista’ tmur għalihom, iżda int għażilt li żżurna hawn fi-Peace Lab. Irrid ngħidlek grazzi tal-ħsieb ġentili tiegħek. Għal darba’oħra merħba bik f’dan i-kenn ta’ darna. 

Billi qed insejħilha darna, irrid ngħidlek li aħna l-membri ta’ din il-famija, ngħixu fit-tined, li ċertament se tkun tista’ tara b’għajnejk. Ħdejna hawn id-dar l-oħra tagħna, l-Open Centre.  Mijiet minn ħutna, nisa u rġiel, jgħixu hemm. Din hi darhom, iżda hi dar temporanja għalihom ukoll. Mhux darba smajt li inti tkellimt dwar  il-migranti u r-refuġjati. Filfatt, qaluli li inti kxift monument iddedikat għall-migranti u qaluli ukol li jinsab barra minn fejn toqgħod int. Ma rridx naħseb li kien b’kumbinazzjoni li int kxift dan il-monument. Ridt żgur li tagħti messaġġ u messaġġ tassew b’saħħtu.

Hawn fil-Peace Lab ngħixu bħala familja. Aħna ħafna f’wieħed. B’dan irrid ngħid, kif l-istess Bibbja tgħid fiż-żewġ rakkonti tal-ħolqien, li aħna ilkoll ulied Alla. Ma ltqajniex hawn b’kumbinazzjoni, iżda ltqajna minħabba raġunijiet u ċirkostanzi differenti, iżda jekk tqishom sewwa, minħabba l-istess raġunijiet.  Ġejjin minn nazzjonalitajiet differenti, inħaddnu reliġjonijiet differenti, kulturi differenti. Imma dan għalina ma jgħoddx. Inqisu lilna infusna aktar minn hekk.

It-tined u l-kmamar tagħna jagħtuna tama ta’ jiem aħjar. Jum wara ieħor nittamaw għall-aħjar. Irrid ngħid li l-aħbar taż-żjara tiegħek għolliet it-tamiet tagħna iktar minn qatt qabel, it-tama li l-ħolma tagħna ssir realta. Fil-qalb ta’ qalbna nafu li int għandek għan u missjoni.  Il-missjoni tiegħek hi li tara li kull bniedem jgħix bħall-bnedmin l-oħra. Nafu li għandek messaġġ x’tagħti, messaġġ li nittamaw jolqot lil xi ħadd.

Nemmen bi sħiħ fil-mirakli u fis-seklu 21, nittamaw li l-miġja tiegħek tkun fattur ewlieni biex l-affarijiet jinbidlu, hekk kif il-Maltin urew ħniena ma’ San Pawl, l-istess Maltin huma dawk li ħennew għalina u laqgħuna. Inti biss it-tama tagħna u naf li t-talb tagħna jinstema’.  Uħud minna huma bla Stat (stateless), huma bla tama u kemm kemm jgħaddu.  Dak li nixtiequ u nitolbu hu li xi ħadd jisma’ l-krib tagħna, li xi ħadd jifhem ir-realtà li ngħixu, li hawn aħna ma ninsabux qisna vaganza, lanqas biex inkissru xi ħaġa, iżda li għandna bżonn ta’ ħarsien, xi ħaġa li uħud minna diġa qatgħu qalbhom li jiksbu. 

F’isem ir-residenti tal-Laboratorju tal-Paċi, nixtieq Papa Franġisku, li ngħid żewġ affarijiet li diġa tennejt qabel iżda fil-qosor huma, l-ewwel li ngħidulek grazzi li ġejt Malta u b’mod speċjali li ġejt iżżurna f’darna hawn fil-Laboratorju tal-Paċi. 

It-tieni, mhux darba, anzi ħafna drabi smajtek titkellem f’isimna u ddefendejt lilna l-iżvantaġġjati, lilna l-vulnerabbli. Inti darba stqarrejt dak li naf, li l-Mediterran hu l-ikbar ċimiterju tad-dinja.  Għal raġunijiet  li jafuhom biss dawk li għandhom kontroll u dawk li għandhom is-setgħa li dan ma jibqax iseħħ, iżda li minħabba l-injoranza u r-regħba għadu jibqa’ jseħħ. Kull ma naf hu li aħna ilkoll pellegrini u f’xi ħin aħna ilkoll nitilqu minn din id-dinja. L-unika differenza hi meta u fejn, iżda li nitilqu hi ħaġa żgura għall-aħħar. Grazzi li tkellimt f’isem ir-refuġjati u l-migranti. Grazzi li tkellimt f’isem is-suwed li għal ħafna snin kienu suġġetti għar-razziżmu u għall-abbuż.

Fl-aħħar jalla l-Mulej jibqa’ jħarsek u jagħtik is-saħħa biex tkun tista’ ddur id-dinja tippriedka l-paċi, l-imħabba, l-armonija u l-għaqda u l-ħtieġa li nilqgħu lil min għandu bżonn u lill-fqir.  Fakkar lill-Insara li kif huma jilqgħu lil Kristu f’qalbhom, għandhom jaraw is-siwi ta’ bnedmin oħra u l-ħtieġa li jagħtuhom tama u jilqgħuhom bi ħlewwa.

Dejjem tiegħek 

Livingstone Ngetuny

f’isem ir-residenti tal-Laboratorju tal-Paċi. 

Ekonomija

Sport