Saturday, December 21, 2024

INTI QED TAGĦMEL IL-PARTI TIEGĦEK BIEX TIPPROTEĠI L-AMBJENT?

Aqra wkoll

Jekk hawn xi ħaġa li b’xi mod jew ieħor kulħadd jitkellem mod, min mod u min ieħor, hu l-ambjent. Tista’ tgħid li fil-pajjiż hawn qbil minn kulħadd bil-fomm li l-ambjent irridu nipproteġuh. Irridu nipproteġu l-art verġni tagħna biex ma tibqax tinqered, nipproteġu l-arja, il-kampanja u l-baħar tagħna. Hemm kwistjonijiet imbagħad insemmgħhom ferm inqas, għax jiswew il-flus u jaffettwalna il-but u dawn  huma effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija u l-ilma.

Minkejja li llum m’hemm ebda dubju li b’differenza minn qabel, il-kuxjenza ambjentali fost il-poplu tagħna żdiedet bil-kbir, ir-realtà turi li xorta waħda  aħna b’mod individwali ftit li tejn lesti nagħtu is-sehem tagħna.  Il-mistoqsija hi ċara. Inti kemm int lest li b’mod individual tieħu miżuri biex tipproteġi l-ambjent?  Kemm lesti tissaggrifika għall-ambjent?  Kemm bdilt il-mentalità biex innaqqsu l-ħela u l-pressjoni fuq l-ambjent? 

Għax f’dan il-pajjiż tisma’ jippontifikaw. Jagħmlulek xi preżentazzjoni jew jitkellmulek xi attivitajiet u jsemmu xi ħaġa żgħira li jkunu għamlu u li tista’ tgħid li tikklassifikaha bħala miżura ambjentali. Imma imbagħad meta tfittex issib li lilhinn minn dik il-miżura jkun hemm għadd ta’ ċirkostanzi oħra li żgur ma tistax issejħilhom li huma favur l-ambjent.  Fost dawn issib min akkost ta’ kollox jibqa’ juża l-karozza privata tiegħu, meta jista’ juża it-trasport publiku, jew mezzi oħra. L-ambjent ma tipproteġihx b’xi miżura waħda ta’ konvenjenza biex għamilt xi ħaġa. L-ambjent tipproteġieh billi verament ikollok mentalità ambjentali. Mentali li tara li tuża ir-riżorsi b’mod effiċjenti.

Lil hinn minn dan kemm aħna lesti li nibdew nagħmlu l-qalba tal-villaġġi tagħna, żoni  ħielsa mill-karozzi? Kunċett li kull meta ssemma’ ħoloq polemika f’dak ir-raħal jew belt. Finalment spiċċa ma sar xejn. U dan għax il-komunità kummerċjali toqmos għax hi taħseb li se jintilef il-bejgħ u sezzjoni tan-nies jilmentaw għax aħna poplu li anke għal distanzi qosra rridu nużaw il-karozza. Fuq kollox kemm aħna lesti li nibdlu l-istil ta’ ħajja tagħna biex verament nipproteġu l-ambjent?  Nemmnu li dawn kollha huma mistoqsijiet li għandhom isiru jekk verament irridu nagħmlu differenza fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent.

Kull ma rridu nagħmlu hu li nħarsu madwarna u nistaqsu. Jien x’qed nagħeml biex verament nippreserva l-ambjent. X’qed nagħmel biex nara li nikkontribwixxi biex ma nħassarx l-ambjent.

Qegħdin ngħidu dan għax f’dan pajjiżna ittieħdet miżura li bla dubju kellha tgħin biex tnaqqas it-traffiku. Biex jonqsu l-emissjonijiet. Din hi dik ta’ trasport pubbliku b’xejn. Imma r-realtà hi li xorta għad għandek ħafna persuni u familji li jippreferu jużaw l-karozzi tagħhom. Jgħidulek li ma jridux jużaw tal-linja u għal dan iġibu kull skuża. Hi sfortuna li għandna ħafna Maltin li għadhom ma jridux jafu b’dan is-servizz. Iġibulek kull skuża bier ma jużawhx.

Sitwazzjoni li minħabba fiha spiss nispiċċaw b’toroq litteralment iġġammjati u problemi kbar ta’ parkeġġ. Dan meta għandna sistema ta’ trasport li twasslet f’kull parti tal-gżira u li għaliha m’hemmx ħlas.

Tista’ tgerger dwar it-tħassir tal-ambjent. Tista’ tgerger fuq il-konġestjonijiet tat-traffiku. Imma qabel tippona is-swaba jew issib l-iskużi, ħares lejk innifsek u ara x’qiegħed tagħmel.

L-istess fejn jidħol l-elettriku. Għandna elettriku li l-Gvern qiegħda jerfa’ l-piż u jissussidja. Dan ma jfissirx imma li naħlu u niġu naqgħu u nqumu mill-konsum. Jekk kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu u jnaqqas il-ħela fl-elettriku, mhux biss wieħed ikun qed jgħin l-ambjent imma anke jgawdi finanzjarjament il-pajjiż. 

Anki fejn jidħol l-iskart. Kemm qegħdin naraw li nagħmlu sforz biex inaqqsu l-iskart. Biex nirriċiklaw materjal flok jintrema’. Kemm qegħdin naraw li nisseparaw l-iskart?

Nemmnu li lil hinn minn diskorsi dwar l-ambjent u l-protezzjoni, l-ewwel azzjoni irridu neħduha kull wieħed u waħda minnha. Dan billi nħarsu madwarna. Naraw kif qegħdin ngħixu. Naraw il-ħela. Naraw kif nistgħu verament nikkontribwixxu dak il-ftit tagħna. Il-ftit tal-ħafna jagħmel differenza kbira. 

Ekonomija

Sport