Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa 7:00 p.m il-Pulizija ntalbet tassisti f’residenza privata fi Triq Alessio Erardi, Ħaż-Żabbar. Dan wara rapport li kien hemm persuna li bdiet twaddab xi affarijiet lejn lin-nies minn fuq il-bejt. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 48 sena li niżel minn fuq il-bejt wara li kien mitlub mill-Pulizija.
Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit reġgħu ssejħu ftit tal-ħin wara, meta l-istess raġel kien aggressiv fil-konfront ta’ tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, li mar jara lir-raġel fuq talba tal-familja. Ir-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt minn fejn ma riedx joħroġ u x’aktarx kien armat.
Wara diversi sigħat, il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel. Iżda reġa’ beda jkun agressiv fil- konfront tat-tabib sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ta’ salt għat-tieqa, bil-Pulizija tar-RIU kienu kostretti jżommuh bl-użu ta’ stun gun.
Min-naħa tiegħu, it-tabib amministra injezzjoni biex ir-raġel iżomm kalm. Ir-raġel ingħata wkoll l-assistenza medika mit-tim mediku tal-ambulanza li kienu qed jistennew fuq barra, peress li ntilef minn sensih.
Għall-ħabta tal-11:00 p.m ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza, skortata mill-Pulizija. Ftit tal-ħin wara l-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel tilef ħajtu.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Se ssir ukoll awtopsja u l-investigazzjonijiet tal- Pulizija għadhom għaddejjin.