Tuesday, November 26, 2024

“Intkom u tgħoddu l-muniti biex tħallsu kontijiet għaljin, aħna ngħoddu l-vittmi wkoll”

Olena Zelenska - mart il-President Ukren

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nifhem li l-impatt ekonomiku fuq l-alleati tagħna qiegħed jinħass iebes ħafna. Madankollu nixtieq infakkar li filwaqt li popli oħra jinsabu mħassbin huma u jgħoddu l-muniti, aħna qed ngħoddu l-vittmi wkoll”. Iddikjarat dan Olena Zelenska, mart il-President Ukren Volodymyr Zelensky waqt intervista li segwiet diskors li sar mill-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson waqt żjara li kellu f’Kyiv ix-xahar li għadda. 

Johnson kien qal li djar madwar l-Ewropa se jkollhom isofru kriżi tal-għoli tal-ħajja u jibqgħu parti minn din il-ġlieda tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja. Min-naħa tagħha Zelenska qalet li li kieku  l-appoġġ lejn l-Ukrajna kien aktar b’saħħtu, il-kriżi kienet tkun ferm iqsar.

Rigward żewġha, li sa mill-bidu tal-gwerra kien imfaħħar għall-fatt li baqa’ mal-poplu tiegħu f’din il-gwerra, Zelenska qalet li filwaqt li rari tara lil żewġha, jsibu ħin biex jitkellmu kuljum. Huma kienu żżewġu fl-2003.

Id-diskors pjuttost b’saħħtu ta’ Zelenska kien parti mill-messaġġ li ntalbet tgħaddi lill-Ingliżi li qed jaffaċċjaw kontijiet tal-enerġija li qed jogħlew parzjalment minħabba l-effetti tal-invażjoni u l-impatt li kellha fuq il-gass u ż-żejt fuq livelli globali.

“Nifhem li s-sitwazzjoni hija iebsa ħafna. Imma ħalluni nfakkar li fi żmien l-epidemija tal-Covid-19, li għadu magħna, meta kien hemm żidiet fil-prezzijiet, l-Ukrajna kienet affettwata wkoll. Il-prezzijiet qed jogħlew fl-Ukrajna wkoll. Imma barra minn hekk in-nies tagħna qed ikomplu jinqatlu”, kompliet Zelenska.

Fir-Renju Unit, ir-rata tal-inflazzjoni hija mbassra li tolqot l-ogħla livell f’42 sena hekk kif hu stmat li se tiżdied għal 13.3 fil-mija din is-sena, filwaqt li l-ekonomija mistennija tiċkien għal aktar minn sena. Il-Bank of England qal li r-raġuni ewlenija għall-inflazzjoni għolja u t-tkabbir baxx kienet iż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija affettwati b’mod speċjali mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Sport