Monday, April 14, 2025

‘Into the Woods’, il-musical ta’ Sondheim, rebbieħa ta’ għadd ta’ premjijiet, se tittella’ fit-Teatru Manoel f’Mejju

Aqra wkoll

F’Mejju, idħol fid-dinja maġika u kemxejn devjanti tal-ħrejjef favoriti tal-aħwa Grimm permezz tal-produzzjoni eċitanti tal-musical ta’ Stephen Sondheim, li rebħet għadd ta’ premjijiet, bl-isem ta’ ‘Into the Woods’. Għal din il-produzzjoni, il-palk tat-Teatru Manoel se jittrasforma f’foresta tal-ħrejjef taħt id-direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri. Id-direzzjoni mużikali se tkun f’idejn Ryan Paul Abela, filwaqt li d-disinn tal-produzzjoni f’idejn Matthew Cassar. 

Into the Woods’ hija musical tal-1987, rebbieħa ta’ għadd ta’ premjijiet, b’mużika u lirika ta’ Stephen Sondheim, u hija bbażata fuq il-ktieb ta’ James Lapine. Il-musical iddebuttat f’San Diego, fl-Old Globe Theatre, fl-1986 u ntweriet għall-ewwel darba fi Broadway, fl-1987, fejn rebħet tliet Tony Awards maġġuri. L-istorja ta’ ‘Into the Woods’ tinseġ il-plots ta’ wħud mill-ħrejjef magħrufa tal-aħwa Grimm, u fiha jispikkaw karattri bħal Little Red Riding, Jack (mill-ħrafa Jack and the Beanstalk), Rapunzel u Cinderella, fost ħafna oħrajn. Il-musical tesplora x-xewqat l-aktar profondi tal-karattri, l-ambizzjonijiet tagħhom, il-perikli li jiffaċċjaw u n-nies li jiltaqgħu magħhom fil-vjaġġ tagħhom lejn is-sejba tal-milja tagħhom. Bħalma tiddeskrivi d-direttriċi Lucienne Camilleri, din l-istorja tixħet dawl fuq ‘‘il-psike umana, u x-xewqa ossessjonata tagħha li trid dak li ma jistax jintlaħaq, dan kollu biex finalment tiskopri li mhux vera xtaqitha daqstant.’’

Din il-produzzjoni ta’ ‘Into the Woods’ għandha kast b’saħħtu li jikkonsisti minn Dorothy Bezzina bħala s-saħħara, Joel Parnis bħala l-furnar, Rachel Fabri bħala l-mara tal-furnar, Thomas Camilleri u Ryan Grech bħala l-Prinċpijiet, Gianluca Cilia bħala Jack, Nadia Vella bħala Cinderella, u Stephen Oliver bħala n-narratur, fost artisti oħrajn ta’ talent kbir.

Into the Woods’ se tittella’ fiż-żewġ weekends ta’ bejn id-9 u t-18 ta’ Mejju fit-Teatru Manoel, f’ħinijiet varji, u b’xows kemm filgħodu u kif ukoll waranofsinhar. Il-play, bl-intervall b’kollox, hija twila sagħtejn u tliet kwarti. Għal iktar informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-play u l-prezzijiet tal-biljetti, u sabiex tibbukkja l-biljetti, tista’ żżur is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/into-the-woods/ jew iċċempel il-Box Office tat-Teatru Manoel  fuq in-numru: +356 2124 6389

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport