Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar l-introduzzjoni ta’ sitt vetturi ġodda ta’ rispons rapidu li ser iżidu s-servizz tal-pre-hospital care b’aktar mid-doppju.
Ġie spjegat kif matul is-sena li għaddiet, is-servizz tal-Ambulanza 112 irrisponda għal aktar minn 56,500 sitwazzjoni ta’ emerġenza. Dan jimmarka l-ogħla numru qatt irreġistrat u żieda ta’ 12% meta mqabbel mal-2024. Din iż-żieda fid-domanda tenfasizza l-importanza kruċjali ta’ investiment kontinwu fis-servizzi pre-hospital ta’ emerġenza.
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li għaldaqstant dawn is-sitt vetturi ġodda ser jiżdiedu mal-flotta eżistenti, fejn in-numru ta’ vetturi issa tela’ għal 11. Huwa spjega li dawn il-vetturi jippermettu lit-timijiet jaslu għand il-pazjenti aktar malajr, b’mod partikolari f’emerġenzi li jheddu l-ħajja tal-pazjent, bħal arrest kardijaku u trawma serja. “Intervent bikri u avvanzat itejjeb ir-riżultati għall-pazjenti, u hekk jitwasslu fid-Dipartiment tal-Emerġenza f’qagħda kemm tista’ tkun ottimizzata,” tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela ħabbar ukoll li apparti l-espansjoni tal-flotta, ġie rdoppjat ukoll in-numru ta’ konsulenti speċjalizzati fil-pre-hospital care. “L-istaff tagħna ħa jużaw dawn il-vetturi biex isalvaw il-ħajjiet tal-pazjenti. Aħna kommessi li nkomplu nespandu, intejbu u nintroduċu kunċetti ta’ eċċellenza fil-kura tal-emerġenzi,” temm jgħid Dr Abela.



