Wednesday, January 1, 2025

Intużaw 5,000 far waqt film

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Box Office

Bejn il-Milied u l-Ħadd, l-udjenzi ippreferew il-films għall-familja “Mufasa: The Lion King” u “Sonic the Hedgehog 3”.  Bejniethom $120 miljun.

Sadanittant, anke żewġ films li ddebuttaw fil-Milied ġewwa l-Istati Uniti bdew b’saħħithom.  Dawn huma r-remake “Nosferatu” u l-film bijografiku dwar Bob Dylan, “A Complete Unknown”.

Iddebuttaw ukoll t-thriller erotiku “Babygirl” b’Nicole Kidman li rnexxielu jitla’ sat-tmien post.  L-ieħor hu l-film bijografiku  “The Fire Inside” dwar il-boxer Claressa ‘T-Rex’ Shields li għamilha fl-għaxar post.  Dan minkejja li kellu reviews tajba.

Nosferatu

Fl-1922, kien ħareġ is-silent film Ġermaniż “Nosferatu: A Symphony of Horror”.  Illum, hu meqjus bħala kapulavur taċ-ċinema u l-intepritazzjoni impekkabbli  ta’ Max Schreck bħala l-vampir, serviet ta’ mudell għal diversi karattri fil-films tal-biża’ li ġew wara.

Id-direttur F. W. Murau kien daħal f’inkwiet kbir meta l-armla tal-awtur Bram Stoker li kiteb ir-rumanz Dracula, kienet fitxitu għad-danni billi n-narrattiva tixbaħ dik fil-ktieb u Murnau ma ħax permess.  Bħala parti mill-ftehim, il-kopji tal-film kellhom jinqerdu.  Fortunatament, kien hemm xi kopji barra mill-Ġermanja li ma nqerdux u llum għadna nistgħu naraw dan il-film.

Fil-verżjoni ġdida ta’ “Nosferatu”, Bill Skarsgård għandu l-parti tal-Konti Orlok li fil-bidu tas-seklu 19, jippjana li jixtri propjeta fil-port fittizju Ġermaniż ta’ Wisborg.  B’hekk, il-ħidma malinna tiegħu tkun tista’ tkompli titwettaq fil-qalba ta’ dan il-kontinent.

Orlok iwaqqa’ f’nasba liż-żagħżugħ innoċenti u twajjeb Thomas (Nicholas Hoult) biex jagħmel il-vjaġġ perikoluż lejn il-kastell tiegħu f’Transylvania ħalli jissorvelja personalment id-dokument li jiffirma.  Iżda l-intenzjoni vera ta’ Orlok tkun il-konkwista ta’ Ellen (Lily-Rose Depp, li tiġi bint Johnny Depp) li hi mart Thomas.  Ellen tkun waħda li anke jkollha viżjonijiet telepatiċi, fejn tara lil Orlok fil-ħolm tagħha.

Jidher ukoll Willem Dafoe fil-parti tal-Professur Albin Eberhart von Franz.  Ħabib tal-familja ta’ Ellen iqabbad lill-Professur biex jikkura lill-mara meta żewġha Thomas ikun imbiegħed.

L-enfażi tad-direttur Robert Eggers tidher li aktar kienet mixħuta fuq l-estetika ta’ kull xena u mhux biex il-karattru ta’ Orlok ikun wieħed ikoniku bħal ma kien fil-verżjni oriġinali ta’ F.W. Murnau. 

Id-direttur tant kien iffissat li jkun awtentiku li anqas ried juża il-kastell ta’ Bran fir-Rumanija (magħruf ukoll bħala l-kastell ta’ Dracula) għax dan ġie restawrat.  Minflok għamel użu mill-kastell ta’ Corvin li nbena f’nofs is-seklu ħmistax.  Dan il-kastell għad għandu partijiet qed jitmermru u għal Robert Eggers dan kien aktar awtentiku.  Ix-xeni ta’ ġewwa fil-kastell li jidhru fil-film huma kollha settijiet li nbnew appost.

Tant iffissa fuq awtentiċità, li Eggers ried makeup partikolai fuq Bill Skarsgård li kien jieħu sitt sigħat biex isirlu.  Barra minn hekk, ma riedx li joħloq ġrieden bis-CGI imma riedhom ikunu ta’ vera.  Intużaw 5,000 far għal dan il-film.  Għas-sigurtà tal-atturi u tal-annimali l-oħra, saru barrikati tal-plexiglass biex il-firien dejjem ikunu magħluqa fil-konfini ta’ dawn il-barrikati.  Dawn il-firien intużaw għas-sekwenza waħda fejn jinżlu l-firien ġewwa Londra, u jġibu magħhom il-pesta bubonika.  L-għaqda għad-drittijiet tal-annimali fil-films, PETA, oġġezzjonat għal din is-sekwenza fejn sostnew li ebda annimal ma jġib l-mewt daqs vampir.

“Nosferatu” sewa $50 miljun biex inħadem. Hu kklassikat 15 minħabba xeni qawwija tal-biża’, vjolenza u sess.

Sonic The Hedgehog 3

Erba’ snin ilu il-karattru tal-qanfud maħluq mill-game developers Ġappuniżi Yuji Naka u Naoto Ohshima iddebutta f’“Sonic the Hedgehog”.  Is-suċċess fil-box office kien tali li ispira sequel li ddebutta sentejn ilu u kellu success akbar.  Għaldaqstant, mhix sorpriża li għandna t-tielet wieħed.

F’dan is-sequel, Sonic (animat bil-vuċi ta’ Ben Schwartz), flimkien ma’ Tails (Colleen O’Shaughnessey) u Knuckles (Idris Elba), għandhom avversarju misterjuż imma b’saħħtu ħafna.  Dan hu Shadow the Hedgehog (Keanu Reeves), maħluq permezz ta’ programm sigriet mlaqqam Project Shadow.  

Sonic, Tails u Knuckles jiffurmaw bejniethom alleanza ma’ Dr. Robotnik (Jim Carrey) bit-tama li jwaqqfu lil Shadow u jipproteġu l-pjaneta tagħna. 

F’dan is-sequel, l-azzjoni hi aktar mgħaġġla, aktar divertenti b’Jim Carrey jagħti nterpritazzjoni aktar rispettabbli.

Bis-suċċess li qed ikollu dan il-film, mhix sorpriża li diġà bdiet il-produzzjoni fuq ir-raba’ wieħed.

Dan il-film li sewa $122 miljun biex inħadem hu kklassifikat PG minħabba xeni ħfief ta’ vjolenza u umoriżmu goff.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport