Fl-aħħar jiem u ġimgħat, kellna b’mod kontinwu sitwazzjonijiet fejn grupp ta’ immigranti li jkunu telqu mill-Libja jew anke minn żoni oħra fil-Mediterran, jispiċċaw jagħmlu jiem fuq il-baħar minkejja li jkunu talbu għall-għajnuna. Kellna każi fejn immigranti għamlu bejn 8 u 9 ijiem fuq il-baħar fid-dgħajsa li jkunu telqu biha minkejja appelli u talbiet biex ikunu salvati. Kellna każijiet fejn immigranti kienu salvati minn bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi li iżda imbagħad jerġgħu jagħmlu jiem sħaħ fuqhom ġieli anke disat ijiem jistennew li xi pajjiż Ewropew itihom permess jidħlu f’port sigur. Ma’ dawn ma jonqsux, kordinamenti bejn awtoritajiet Ewropej u dawk tal-Gwardji tal-Kosta Libjani biex immigranti ikunu interċettati u jittieħdu lura lejn il-Libja. Dan minkejja id-dritt internazzjonali, li dawk il-persuni għandhom dritt li jitolbu ażil f’pajjiż ieħor u mhux dak li jkunu ħarbu minnu.
Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet f’pajjiżna kien hawn skiet sħiħ. Ftit li xejn smajna min jikkummenta dwar din is-sitwazzjoni. Dan minkejja li llum l-istatistika qiegħda turi biċ-ċar li minkejja li qegħdin jaqsmu inqas immigranti, l-imwiet huma ferm u ferm ogħla mis-snin ta’ qabel.
Quddiem il-fatt li dawn il-persuni qed jitħallew għadd ta’ jiem fuq il-baħar, Talk.mt staqsa lill-Arċidjoċesi Maltija dwar il-pożizzjoni tagħha dwar dan il-fatt.
Il-Knisja Maltija qalet lil Talk.mt li “il-Knisja f’Malta temmen bis-sħiħ li huwa inuman u illegali li persuni jitħallew mitluqa bejn sema u ilma. Għalhekk, il-Knisja tappella lill-awtoritajiet responsabbli sabiex ma jpoġġux il-ħajja tan-nies f’riskju u jieħdu azzjoni immedjata u jassiguraw li l-persuni li qed ifittxu l-għajnuna, jingħataw kenn u jiġu salvati mingħajr dewmien.”
Enfasizzat li “b’mod speċjali f’każi ta’ immigrazzjoni, il-pajjiżi membri għandhom iħaddnu aktar il-prinċipju tas-solidarjetà, prinċipju li jemmnu fih kemm il-Knisja kif ukoll l-Unjoni Ewropea.”