Sunday, December 22, 2024

“Inutli titratta fuq affarijiet li ma jaffettwawx lin-nies”

L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba jqis il-ħidma tiegħu ta’ kuljum bħala privileġġ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Peress li aħna żgħar dejjem nippruvaw inħallu effett pożittiv ħafna iktar milli pereżempju MEP Ġermaniż jipprova jagħmel. Dan għaliex MEP Ġermaniż fil-PE huwa wieħed minn kważi 100 MEP minn fost is-705”. Iddikjara dan l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba f’kumment ma’ L-Orizzont b’rabta mal-aħħar statistika li fiha hu sab postu fost l-iktar 35 Ewroparlamentari influwenti. Saħaq li nutli bħala Ewroparlamentari joqgħod jitkellem fuq affarijiet li ma jaffettwawx il-kwalità tal-ħajja tagħhom u għalih huwa privileġġ li jipprova jikseb l-aqwa riżultati għaċ-ċittadini tagħna.

Agius Saliba qal li fil-każ ta’ Malta, sitt Ewroparlamentari minn fost 705 u allura dejjem trid taħdem iżjed biex jirnexxielek tinfluwenza. Madanakollu huwa qalilna li kif turi l-istatistika turi li l-Ewroparlamentari Maltin għandhom livell għoli ta’ influwenza meta kkumparati mal-bqija.
“Għalija wara erba’ snin biss li ġejt afdat biex nirrappreżenta lill-poplu tagħna nkun fost dawk l-aktar influwenti timlieni b’aktar kuraġġ u responsabbiltà. Il-fulkru ta’ kollox huwa li dik l-influwenza tużaha biex tirrappreżenta bl-aqwa mod possibbli d-diversi interessi li jkollna u li rridu nirrappreżentaw minn ħin għall-ieħor f’pajjiżna”, żied jgħid Agius Saliba.
Id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-minoritajiet u d-drittjiet diġitali huma fost it-temi li l-Ewroparlamentari jmiss magħhom kuljum. Sostna li ċ-ċavetta hija li tuża l-konnessjonijiet li jkollok biex b’responsabbiltà taħdem għall-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ftit xhur biss bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew staqsejna lil Agius Saliba dwar il-ħidma tiegħu lil hinn minn dawn ir-riżultati li rnexxielu jikseb.

“Se nerġgħu mmorru għand il-poplu biex jagħtina l-fiduċja. Issa ġirja sabiex l-aħħar leġiżlazzjoni u l-aħħar proġetti li nkunu qegħdin naħdmu fuqhom nagħlquhom. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin għalija se tkun li nkomplu nżidu l-pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tagħlaq dwar ir-right to disconnect biex fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiema Ewropej u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-leġiżlazzjoni”, tenna jgħid Agius Saliba.

Fuq livell personali huwa qal li hemm numru ta’ leġiżlazzjonijiet oħra li qed jaħdem fuqhom fosthom il-protezzjoni ta’ tfal u minorenni minn abbuż ta’ materjal pornografiku u abbuż sesswali fuq il-minorenni fuq bażi online li hija leġiżlazzjoni kbira ħafna li trid issib bilanċ bejn numru ta’ drittijiet oħra bħalma huma d-drittijiet tal-privatezza u l-komunikazzjoni.

L-Ewroparlamentari tenna jgħidilna li għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Ekonomija

Sport