Monday, December 23, 2024

“Invażjoni” ta’ ġrieden fil-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-popolazzjoni fl-inħawi ta’ Bugibba u l-Qawra ma żdidietx biss bħala nies iżda wkoll f’dik deskritta bħala “invażjoni” tal-ġrieden. Dan l-inkonvenjent ta’ tħassib huwa wkoll ta’ periklu għar-residenti li għal dawn l-aħħar snin qegħdin isofru u jilmentaw minn ħmieġ u stingar ta’ kull tip. Il-ħmieġ li ilna nitkellmu dwaru issa qiegħed jirriżulta wkoll fi ġrieden jiġru fit-toroq iżda dan mhuwiex l-unika fattur. Miegħu trid iżżid is-sħana li ninsabu fiha bħalissa, l-iskart oganiku fuq il-bankini u problema oħra li teħodna lura għas-snin 90 meta sar ħafna xogħol ta’ malajr biex jitlestew is-sistemi tad-drenaġġ u t-toroq fl-inħawi.

Persuna li tkellmet ma’ talk.mt sostna li, “il-mistoqsija hija mhux jekk għandniex ġrieden, imma kemm għandna u x’se nagħmlu? Għandna ġrieden minn hawn sal-Parlament! Din mhiex kwistjoni jew tort tal-Kunsill Lokali. Li ġara huwa li t-toroq u l-pajpijiet li jinsabu taħthom, f’din il-parti ta’ Malta, kienu saru ta’ malajr qabel elezzjoni fis-snin 90 u ma sarux kif suppost”. 

Huwa li ilu jgħix fil-Qawra għal ħafna snin u anke għandu ħanut fl-inħawi jiftakar li kienet saret ħidma biex isiru t-toroq kollha tal-madwar fi żmien qasir u taħthom kienu poġġew ir-ramel. Spjega kif, “il-ġrieden iħaffru dan ir-ramel u minħabba li ma tellgħux il-katusi ‘il fuq biżżejjed u m’għalquhomx, issa l-ġrieden qegħdin jgħaddu minnhom u joħorġu għal ġot-toroq. B’din is-sħana dawn il-ġrieden x’imkien iridu jmorru”.

“Kien qisu qattus daqs kemm kien kbir”

Mara li wkoll tkellmet ma’ dan il-ġurnal qaltilna li din il-ġimgħa stess hija u mixja fuq bankina ta’ Triq it-Turisti ftit ‘l isfel mill-knisja tal-Qawra, rat ġurdien daqs hiex jiġri fit-triq, dawk li nsejħulhom fran. Dan seħħ proprju ftit minuti qabel kelmitna u kien filgħodu. 

Din il-mara spjegat kif, “żewġ passi ‘l bogħod minni, f’daqqa waħda ħareġ minn katusa ġurdien griż mill-kbar nett. Kien qisu qattus daqs kemm kien kbir. Dak il-ħin kien hemm mara oħra li kif ratu nħasdet u bil-qatgħa li ħadet qabdet qasmet tiġri għan-naħa l-oħra. Imn’alla m’għaddietx karozza dak il-ħin..”.

Din ir-residenta li toqgħod fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq it-Turisti inti u sejra lejn id-direzzjoni tal-Għassa tal-Pulizija qalet li l-problema tal-ġrieden f’din it-triq ilha żmien twil u dan minħabba l-iskart li dejjem jitħalla barra bl-addoċċ għal tul ta’ ħin, kif ukoll minħabba r-ristoranti fl-inħawi.

Persuna oħra sostniet li s-sitwazzjoni f’Bugibba u l-Qawra hija tal-mistħija. “Kif ġejna… Ara l-mard li jġibu dawn il-ġrieden ma’ saqajna. Gidma minn wieħed ta’ dak id-daqs tista’ tibagħtek għand Alla”. 

Dan qalilna li ħafna persuni kitbu anke fuq il-midja soċjali iżda s’issa għadu ma sar xejn. “Din mhiex sitwazzjoni li tista’ tistenna jew li tkun posposta jew inkella titħalla fuq l-ixkaffa kif dejjem jagħmlu. Qegħdin nitkellmu fuq ħafna ġrieden u agħar minnhekk, ġrieden kbar. Allaħares jigdem xi tifel jew tifla. Hawn ikun hawn ħafna tfal jilagħbu fiz-zuntier tal-knisja u oħrajn mexjin fit-toroq,” qal imħasseb dan ir-resident.

Ekonomija

Sport