Invenzjoni totali mill-avukat tal-Partit Nazzjonalista Edward Debono fil-konfront ta’ Dr Joseph Muscat b’rabta mad-dikjarazzjoni li għamel din il-ġimgħa fil-Qorti l-avukat Christian Grima fejn irtira allegazzjonijiet mill-iktar serji li kien għamel kontra l-eks Prim Ministru. F’Mejju 2020, b’riferenza għad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia, l-avukat Grima kiteb fuq facebook “X’ġaralha? Ir-raġel tiegħek splodiha. Hekk ġralha” u indirizza dan il-kliem lil Michelle Muscat. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien fittex lill-avukat Grima għal libell.
Matul wahda mis-seduti fil-Qorti, l-istess avukat Grima kien ġie mistoqsi jekk bi kliemu kienx qed ifisser li Dr Muscat kien b’xi mod involut fl-assassinju tas-sinjura Caruana Galizia. Meta wieġeb iva, il-Qorti ordnat l-inverżjoni tal-provi, jiġifieri li l-avukat Grima ried jipprova dak li kien qed jgħid. Fl-aħħar snin kien hemm tentattivi biex id-dikjarazzjoni li saret fuq facebook tiġi rtirata iżda l-istqarrija li offra li jagħmel Dr Grima ma kinitx sodisfaċenti għal Dr Muscat għax kienet tagħmel ġudizzju li l-eks Prim Ministru ma kienx jaqbel miegħu.
Grima jirtira dak li kiteb
Matul l-aħħar jiem iżda kien hemm żvilupp important ħafna f’din il-kawża ta’ libel. F’seduta li kienet skedata għal nhar it-Tnejn kien imiss li jixhed Dr Muscat. Hekk kif l-eks Prim Ministru kien se jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda, il-Maġistrat Victor Axiaq sejjaħ lil Dr Muscat u lill-avukat Grima u talabhom jekk kienx possibbli li jsibu mezz li jwassal biex jintemmu l-proċeduri fil-Qorti. Għall-bidu l-avukat Grima baqa’ jgħid li huwa kien se jibqa’ jinsisti fuq id-dikjarazzjoni li kien ilu li ppreżenta izda l-eks Prim Ministru mill-ewwel għamilha ċara illi din ma kinitx aċċettabli għalih. Eventwalment fil-preżenza tal-Maġistrat Axiaq saru negozjati bejn l-avukat Pawlu Lia għan-nom ta’ Dr Muscat u l-avukat Karl Grech għan-nom ta’ Christian Grima bil-għan li tinstab bażi komuni għal stqarrija li kellha tkun aċċettabli għaż-żewġ naħat.
Riżultat ta’ dan l-avukat Grima aċċetta li jagħmel stqarrija fejn qal li huwa qatt ma ried jimplika li Dr Muscat kien l-eżekutur jew il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li kien qed jagħmel tiegħu l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika u riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Din id-dikjarazzjoni mhux biss hija differenti mid-dikjarazzjoni oriġinali li l-avukat Grima kien ilu jinsisti fuqha għall-aħħar sentejn, iżda tikkonferma li, bil-maqlub totali ta’ dak kien allegat fuq facebook, l-eks Prim Ministru qatt ma kien involut bl-ebda mod fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Fid-dawl ta’ din l-istqarrija, Dr Muscat irtira l-libell.
Mhux minnu dak li ntqal
Jumejn wara dan l-iżvilupp The Shift News ippublikat artiklu fejn ikkwotat lill-avukat tal-Partit Nazzjonalista Edward Debono jgħid, bl-iktar mod dilettantesk, li Joseph Muscat huwa beżżiegħ, bla prinċipju, bla onestà u bla integrità għax skont huwa irtira l-libell għax kien imissu jixhed l-Assistent Kummissarju George Cremona.
Debono qal dan nhar it-Tnejn meta fl-ebda ħin ma kien fl-awla biex seta’ jsegwi x’ġara. Bil-kontra ta’ dak li qal l-avukat Debono, ix-xhieda li skont huwa kellu jagħti l-Assistent Kummissarju Cremona ma kellha x’taqsam assolutament xejn mal-fatt li l-libell waqaf għax kienet il-proposta tal-Maġistrat Victor Axiaq innifsu li wasslet biex Christian Grima irtira dak li kien kiteb fuq facebook dwar l-eks Prim Ministru. Ir-riferenza saret għar-rigward ta’ kif il-gvern Malti kien talab l-għajnuna tal-FBI minnufih wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Imfittxija minnufih l-għajnuna tal-FBI
Immedjatament wara d-delitt f’Ottubru tas-sena 2017 Joseph Muscat bħala Prim Ministru mill-ewwel għamel kuntatt mal-Gvern Amerikan biex jitlob għall-għajnuna u xhieda ta’ dan hemm uffiċjali tal-Ambaxxata Amerikana. Dr Muscat qal li l-gvern immexxi minnu involva mhux biss lill-FBI fl-investigazzjoni dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll lill-Istitut Forensiku Olandiż, li huma meqjusa fost l-aħjar.
Helena Dalli talbet l-għajnuna ta’ esperti Olandiżi
L-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli spjegat li fil-ġurnata tad-delitt hija kienet il-Lussemburgu għall-laqgħa tal-Unjoni Ewropea bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej. ‘Kif sirt naf li kienet karozza bomba, tkellimt mal-Prim Ministru u minnufih bdejna l-kuntatt man-Netherlands Forensic Institute (NFI) għax Dr Muscat ried li dawn jiġu Malta minnufih’, qalet l-eks Kummissarju Ewropew.
Hija żiedet li meta kienet Ministru responsabbli mill-laboratorji kienet ġabet taħriġ mill-NFI fil-ġbir tal-evidenza fuq ix-xena tar-reat, għall-pulizija Maltija. Il-pulizija Maltin għamlu t-taħriġ b’suċċess, tant li meta nqabdu l-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia, irringrazzjaw lil Dr Dalli għax qalu li dan it-taħriġ kien strumentali. Minkejja dan kollu, saħqet l-eks Kummissarju Ewropew, il-gvern Laburista safa’ akkużat li għandu d-demm ta’ Daphne Caruana Galizia fuq idejh.
Minn naħa tiegħu l-eks Prim Ministru saħaq li min ikollu x’jaħbi, ma jġibx lill-FBI u lill-Istitut Forensiku Olandiż sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet. It-tlett persuni identifikati bħala l-eżekuturi tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia inqabdu ħamsin jum biss wara u llum qed jiskontaw sentenzi twal ta’ priġunerija.