Thursday, February 5, 2026

INVESTIMENT AKBAR FIL-KARNIVAL

Aqra wkoll

Il-Karnival ta’ Malta reġa’ magħna. U l-edizzjoni tal-Karnival ta’ din is-sena bla dubju li hi mistennija ferm minn bosta, kemm mid-dilettanti kif ukoll minn dawk li għandhom għal qalbhom iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena. Il-Karnival hu minnu nnifsu attrazzjoni wkoll għall-barranin li jżuruna.  

Għalhekk, ma rridux ninsew l-importanza tal-Karnival fil-kalendarju kulturali tal-Maltin mhux biss mil-lat storiku u patrimonjali imma iktar importanti minn hekk fiż-żminijiet tal-lum bħala ċelebrazzjoni ħajja u kontemporanja. 

L-attivitajiet qed ikomplu jiżdiedu minn sena għall-oħra, turija tal-interess qawwi li hawn f’dan is-settur. Biss biss, il-parteċipazzjoni ta’ 39 kumpanija turi kemm dan l-avveniment għadu ħaj u rilevanti. Kif rajna f’dawn l-aħħar snin, il-Karnival kompla jinfirex f’għadd ta’ lokalitajiet li jtellgħu attivitajiet varji, fejn il-Kunsilli Lokali qegħdin jiġu megħjuna permezz ta’ fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għal dan il-għan. 

Il-Karnival jibqa’ wieħed mill-akbar avvenimenti li għandna f’pajjiżna li jirrikjedi wkoll il-koperazzjoni bejn għadd ta’ entitajiet. Huwa tradizzjoni li jgħaqqad il-professjonisti f’dan is-settur tal-arti ma’ għadd kbir ta’ voluntiera li jiddedikaw ħin twil biex joħolqu l-opri ta’ arti. B’hekk il-Karnival ikun jista’ jiġi ċċelebrat b’suċċess minn sena għall-oħra.

Festivals Malta, li tieħu ħsieb torganizza l-Karnival, tibqa’ pilastru ewlieni fit-tisħiħ ta’ avvenimenti ta’ din ix-xorta. Huwa għalhekk xieraq li nfaħħru l-ħidma mwettqa minn din l-entità, li se jkollha wkoll ir-responsabbiltà tal-proġett taċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura fil-Marsa. Dan il-proġett li issa daħal f’fażi oħra, kif tħabbar mill-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament, mhux biss se jkun spazju għall-espressjoni artistika, iżda wkoll ċentru li jgħaqqad komunitajiet u jressaq il-kultura eqreb lejn il-poplu Malti. 

Inħarsu ’l quddiem li jissokta x-xogħol fuq dan il-proġett li ilu mistenni ħafna speċjalment mill-entużjasti tal-Karnival filwaqt li nilqgħu oħrajn li diġà saru bħall-Ispazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) u r-restawr estensiv tal-Palazz tal-Granmastru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport