Wednesday, October 15, 2025

INVESTIMENT AKBAR FIS-SETTUR TAS-SAĦĦA

Aqra wkoll

Il-qasam tas-saħħa qed ikompli jtejjeb is-servizzi tiegħu għall-poplu. Dawn is-servizzi mediċi jinsabu mexjin ’il quddiem grazzi għal ħidma li qed issir f’dan is-settur tant kruċjali għas-saħħa tan-nies.

Fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali, Ċensu Moran, l-ewwel sptar sekondarju fuq il-gżejjer Maltin, li sar b’investiment ta’ madwar €50 miljun. Għalkemm ħa żmien mhux ħażin biex inbena u biex ġie mgħammar bl-aqwa teknoloġja li teżisti, bla dubju dan iċ-Ċentru se jkun qed jikkumplimenta s-servizzi diġà offruti mill-Isptar Mater Dei.

Għalhekk nemmnu li dan iċ-ċentru se jkompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa pubblika f’pajjiżna filwaqt li jpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern għal servizzi tas-saħħa aħjar, moderni u aċċessibbli għal kulħadd fil-qalba tal-komunità.

Ma’ dan ma nistgħux ma nsemmux ukoll investiment qawwi f’oqsma oħra tas-saħħa fosthom l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, f’St Vincent de Paul u anke fiċ-ċentri tas-saħħa u bereġ reġjonali.

Altru milli l-Ministeru tas-Saħħa qed jittraskura dan il-qasam. Għalkemm nemmnu li għad hemm lok għal aktar titjib, speċjalment fejn jidħlu appuntamenti u stennija tan-nies fl-emerġenza, għandna għax nifhmu li fil-budget li ġej, il-vot tas-saħħa se jerġa’ jkun sostanzjali u anke nistennew illi t-tagħmir mediku jkompli jkun wieħed avvanzat biex jadatta għar-realtajiet tal-lum ta’ ħafna nies li kontinwament ifittxu servizz tas-saħħa effiċjenti u bla ħlas.

Insemmu wkoll dak li ddikjara l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fil-Parlament, li xxejjen għall-kollox il-kritika bla sens dwar il-mediċini ġeneriċi. Kif stqarr l-istess Ministru, il-mediċina ġenerika hija bijoekwivalenti għall-mediċini tal-marka. 

Dan m’aħniex ngħiduh aħna, tant li l-mediċini ġeneriċi inkluż dawk manifatturati f’Malta, isegwu l-istess Regolamenti tal-UE fir-rigward tal-kwalità, sikurezza u effettività.

Insemmu wkoll l-fatt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tappoġġja l-istess użu ta’ mediċini ġeneriċi, u ma naħsbux li toqgħod b’idha fuq żaqqa jekk ikun hemm xi ħjiel li xi mediċina ġenerika hija bla effett. Jiġifieri min f’pajjiżna joħroġ bi ħlieqa bħal din, li l-mediċina ġenerika hija inferjuri, jkun qed jagħmel biex ibeżża’ u joħloq it-tensjoni fost il-pazjenti.

Il-poplu Malti jistħoqqlu l-aħjar f’kollox. Illum is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna tant mexa ’l quddiem u wasal f’punt illi ċertu operazzjonijiet serji u maġġuri qed isiru f’pajjiżna stess u l-pazjenti m’għandhomx aktar il-ħtieġa li jsiefru biex jingħataw il-kura li jkollhom bżonn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport