Jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-Gvern hi li jagħti kelma u jżommha. Xhieda ta’ dan huwa l-qasam ambjentali fejn se jkomplu jiżdiedu aktar spazji ħodor għat-tgawdija tal-pubbliku tant li Project Green qiegħda taħdem fuq 118-il proġett b’valur ta’ €350 miljun, li jfissru miljun u seba’ mitt elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa li mistennija jitlestew sas-2027.
Minbarra dan, sal-aħħar ta’ din is-sena, Project Green se tkun ħarġet sejħa għall-offerti għal 22 spazju miftuħ ieħor. U b’hekk jibda x-xogħol fuq aktar minn 20 sit ieħor ma’ dak li diġà għaddej ix-xogħol fuqhom bħalissa. Il-Gvern qed jimpenja ruħu li s-sena d-dieħla r-ritmu jsir aktar qawwi.
Dawn l-ispazji, minbarra li se jkunu ta’ tgawdija għall-familji, se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-ambjent inġenerali. Għaliex anke l-fatt li diġà tħawlu aktar minn 6,000 siġra din is-sena biss, dan se jibbenefika minnu l-ambjent u se jikkontribwixxi wkoll għal arja aktar nadifa.
Skont il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, dawn it-tip ta’ proġetti se jkunu l-legat li se jħalli dan il-Gvern għaliex l-ekonomija tal-pajjiż tiflaħ tinvesti fihom. Għalhekk nerġgħu ntennu li rridu noqogħdu attenti meta nitkellmu dwar x’mudell ekonomiku rridu biex it-tkabbir ekonomiku ma jonqosx ħalli jiżdiedu aktar proġetti ta’ natura ambjentali. F’dan is-sens nisħqu li l-mudell ekonomiku m’għandux isir ballun politiku biex xi ħadd jiggwadanja punti politiċi.
F’dan il-kuntest, jekk aħna lkoll bħala poplu naħdmu flimkien fil-qasam ambjentali, pajjiżna mhux biss jilħaq l-obbligi u l-miri Ewropej tiegħu imma wkoll iċ-ċittadini jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan l-investiment kollu fi spazju ħodor huwa parti mill-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li tinkludi nefqa ta’ €700 miljun għal inizjattivi ambjentali, anke f’żoni urbani. Din il-proposta ma baqgħetx biss wegħda imma issa qiegħda titwettaq fil-konkret. Il-pubbliku jrid jagħtu sehmu wkoll biex pajjiżna jkun aktar nadif u aktar imħaddar.
Inħarsu ‘l quddiem li dawn il-proġetti jitwettqu kif skedati u aħna konvinti li dak li ddikjarat il-Ministru Dalli fil-Parlament illi s-sentejn li ġejjin se jkunu l-aktar sentejn li fihom se jkun xogħol fuq proġetti ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku, se jiġi implimentat b’mod tanġibbli u r-riżultati tiegħu se jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għal-lum imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.