Saturday, November 23, 2024

Investiment biex nipproteġu l-ispazji miftuħa f’pajjiżna għall-gwadann tal-poplu

Aqra wkoll

Ix-xogħol relatat mar-rijabilitazzjoni tal-Park tal-Majjistral, fosthom ir-rijabilitar tal-abitat naturali, ir-restawr ta’ bini storiku u l-promozzjoni tal-park innifsu, għaddej ġmielu. 

Hekk qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia filwaqt li sostna kif tul l-aħħar perjodu tneħħew 6,800 tunnellata ta’ materjal inert li ntrema fiż-zoni ta’ il-Prajjet, Għajn Żnuber u ix-Xagħra l-Ħamra. 

Dan l-investiment sar ukoll sabiex jitneħħew madwar 200 tunnellata ta’ speċi invażivi u aljeni tneħħew minn fuq il-post, fosthom pjanti tal-agave u l-akaċja. Il-proliferazzjoni ta’ dawn l-ispeċji f’park naturali ta’ din ix-xorta kapaċi tkun ta’ detriment għal speċji oħra endemiċi għall-klima tagħna. Għalkemm uħud minn dawn l-ispeċji ġew introdotti f’Malta fi żminijiet imgħoddija, l-awtoritajiet ħassew li dawn għandhom jitneħħew sabiex jerġgħu jirritornaw liż-żona għas-sbuħija oriġinali tagħha.

Waqt żjara tiegħu fuq il-post ilbieraħ, il-Ministru spjega li bħala wieħed mill-Parks Nazzjonali ewlenin fil-gżejjer Maltin, il-Park tal-Majjistral jixraqlu l-protezzjoni mistħoqqha peress li jagħmel parti min-netwerk ta’ siti ta’ Natura 2000. Huwa żied jgħid  li “siti li jiffurmaw parti min-netwerk Natura 2000 għandhom importanza ekoloġika b’valur għoli ta’ landscaping u li jservu ta’ spazji miftuħa għal attivitajiet rikreazzjonali u edukattivi.”

Iż-żona li tifforma parti mill-Park tal-Majjistral hija medda mdaqqsa ta’ art li tinkludi madwar 6km ta’ kosta protetta u tifforma parti mill-istess sit ta’ Natura 2000. Din iż-żona protetta hija amministrata mill-Heritage Parks Federation, federazzjoni magħmula minn tlett Għaqdiet non-Governattivi involuti fl-immaniġġjar tal-kosta, r-restawr  kulturali u l-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-għaqdiet huma Din l-Art Ħelwa, Gaia Foundation, u Nature Trust Malta. 

Waqt laqgħa ma’ rappreżentanti minn dawn l-NGOs, il-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jagħti prijoritá lill-konservazzjoni u l-immaniġġjar tad-diversitá bijoloġika ta’ żoni bħall-park imsemmi, jirrriabilitahom u jippromwovihom. “Bil-prijoritajiet tajbin, ippjanar għaqli u investiment kif suppost, nistgħu noħolqu u nimmaniġjaw dan il-pulmun aħdar f’pajjiżna. Permezz ta’ dan nistgħu inkomplu intejbu il-benessri ta’ kulħadd” qal Farrugia.

Fiż-żmien li ġej ser ikunu qed isiru numru ta’ interventi oħrajn sabiex tiġi assigurata s-sbuħija ta’ din iż-żona filwaqt li jiżdied l-għarfien fuq dan il-park. Dawn l-interventi jinkludu t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni; ir-restawr ta’ struttura li fil-passat kienet tintuża bħala lookout post; il-publikazzjoni ta’ kotba fuq il-park u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet għall-pubbliku. Dawn l-attivitajiet jinkludu ġiti, sessjonijiet ta’ informazzjoni u open weekends.

Jeżisti Management Agreement bejn il-Ministeru, ERA u l-Heritage Parks Federation. Dan il-ftehim jinkorpora fih għajnuna finanzjarja ta’ €70,000 fis-sena għall-immaniġjar tal-park mingħand il-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. Dan l-investiment imur oltre mit-€300,000 li jipprovdi l-Gvern għal proġetti ta’ implimentazzjoni tal-pjan tal-immaniġġjar tas-siti Natura 2000. Dan il-finanzjament ser ikun qed jgħin sabiex l-amministrazzjoni tal-park terga tirriġenera numru ta’ sand dunes li jinsabu fir-Ramla tal-Mixquqa. Dan il-finanzjament ser jgħin ukoll sabiex jiġi kontrollat l-aċċess għall-karozzi fiz-zona, jiġu installati sinjali edukattivi li jagħtu tagħrif fuq il-madwar, jiġu organizzati attivitajiet edukattivi, u jiġu mħawwla 6,000 speċji indiġeni. Ser jiġi restawrat ukoll it-torri ta’ Għajn Żnuber u t-torri ta’ żmien it-tieni Gwerra Dinjija.

Sport