Saturday, November 23, 2024

Investiment bla preċedent fl-OHSA biex tkun implimentata b’mod effettiv il-liġi l-ġdida

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza sessjoni informattiva b’rabta mal-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida tal-OHSA. Din is-sessjoni saret mal-istakeholders u r-rappreżentanti prinċipali tal-ħaddiema u min iħaddem.

F’din is-sessjoni, saret spjegazzjoni dettaljata tal-liġi l-ġdida, inkluż l-irwoli, ir-responsabbiltajiet, multi, penali u proċeduri amministrattivi kif ukoll dawk kriminali f’din il-liġi li se ddaħħal deterent aktar effettiv lejn kultura ta’ responsabilizazzjoni.

Sussegwentement, il-Ministru Jonathan Attard flimkien ma’ Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, żammew sessjoni informattiva għall-parteċipanti kollha, fejn mhux biss aġġornaw lil dawk preżenti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida, imma wkoll wieġbu l-mistoqsijiet li sarulhom.

“Il-Gvern qiegħed iwettaq investiment bla preċedent f’dan is-settur biex jassigura li l-Awtorità tkun f’pożizzjoni li timplimenta bl-aqwa mod possibbli din il-liġi l-ġdida. Dan l-investiment jiffoka primarjament fuq ir-riżorsa umana, fejn għaddej proċess ta’ reklutaġġ, fejn fi ftit xhur kien hemm żieda ta’ kważi 40 fil-mija f’dawk li huma ħaddiema”, qal il-Ministru Jonathan Attard.

Dan apparti s-servizz ġdid tal-helpline 138, li huwa wkoll servizz marbut mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Dan huwa mezz ġdida ta’ kif il-ħaddiema mhux biss jistgħu jirraportaw r-riskju, imma wkoll jitolbu informazzjoni dwar aspetti marbuta mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Huwa qal li l-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-istakeholders mhux biss fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, imma wkoll f’sessjonijiet informattivi bħal dik li kien qiegħed jindirizza, huma konferma ta’ kemm l-aptit, l-interess u l-volontà li ngħollu l-livell fis-settur huwa mifrux.

“Nemmen li dan id-djalogu b’saħħtu fis-settur jawgura tajjeb mhux biss għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi l-ġdida, imma wkoll biex inkattru kultura ta’ responsabiltà ħalli kemm jista’ jkun nevitaw inċidenti fuq ix-xogħol”, temm jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Cutajar qalet li wara 22 sena qed nassistu għal mument opportun fejn filwaqt li kienet għaddejja konsultazzjoni u kien hemm miri tad-direzzjoni tal-aspetti li riedet tiffoka fuqhom l-awtorità, bdiet analiżi immedjata ta’ kif tista’ żżid l-effettività u l-effiċjenza. Tkellmet ukoll dwar l-importanza li r-riċerka tkun fattur li l-awtorità se tkun qiegħda tieħu b’serjetà kbira biex tkompli tgħolli l-livell.

Fost dawk preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, u rappreżentanti ta’ diversi entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati.

Finalment, l-OHSA nediet dehra ġdida inkluż logo ġdid li jirrifletti t-tiġdid ta’ din l-Awtorità fejn ser tkun qiegħda tgħaddi messaġġ ta’ impenn kontinwu lejn is-soċjetà dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-aħjar interess fil-ħarsien ta’ kull ħaddiem fuq kull lant tax-xogħol.

Sport