Kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi nedew il-proġett One Device Per Child (ODPC), inizjattiva ta’ €54 miljun kofinanzjata minn fondi nazzjonali u fondi Ewropej li se tkompli tittrasforma l-edukazzjoni f’Malta u Għawdex.
Kull student u studenta tas-Sena 7, kemm fl-iskejjel statali kif ukoll f’dawk mhux statali, se jirċievi laptop personali bħala parti minn dan il-proġett. L-ewwel fażi (sena skolastika 2025/26) se tkun għall-istudenti tas-Snin 7, 8 u 9.
“Din it-tnedija mhix biss li nipprovdu laptops. Imma dan huwa proġett li permezz tiegħu noħolqu ambjent ta’ tagħlim inklużiv, interattiv u innovattiv li jagħti lil kull student l-opportunità li jirnexxi f’dinja diġitali,” enfasizza l-Ministru Grima.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva kull student tas-sekondarja se jirċievi laptop personali flimkien ma’ aċċess għal riżorsi diġitali ta’ kwalità għolja. L-edukaturi se jibbenefikaw ukoll minn taħriġ kontinwu biex jintegraw b’mod effettiv l-għodod diġitali fil-klassi. Dan il-proġett jirrappreżenta pass storiku biex tingħeleb id-diviżjoni diġitali u tinbena ġenerazzjoni lesta għall-futur,” spjega l-Ministru Clifton Grima.
L-inizjattiva għandha warajha erba’ għanijiet ewlenin: It-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni kemm fl-iskola kif ukoll id-dar; il-promozzjoni ta’ tagħlim inklużiv u ta’ kwalità għolja għal kull student, irrispettivament mill-isfond jew l-abbiltajiet tiegħu; is-saħħa tal-impenn diġitali u t-tisħiħ tat-trasformazzjoni edukattiva ta’ Malta u t-tnaqqis fir-rata ta’ studenti li jħallu l-iskola kmieni permezz ta’ tisħiħ tal-ħiliet diġitali tagħhom.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “Dan il-proġett juri kif Malta qed tagħmel użu għaqli mill-appoġġ tal-Unjoni Ewropea biex tinvesti fil-futur tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħha. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus qed jagħtina l-mezzi biex noħolqu ambjent edukattiv aktar modern u inklużiv, li mhux biss jipprovdi tagħmir iżda jsaħħaħ ukoll il-ħiliet diġitali u l-opportunitajiet għal kull student. L-impenn tagħna hu li l-fondi Ewropej ma jkunux biss numri fuq karta, iżda mezz biex noħolqu opportunitajiet ġodda għal kull student.”
Lil hinn mill-għoti tal-apparat, il-proġett se jipprovdi wkoll kontenut diġitali b’riżorsi allinjati mal-kurrikulu u b’hekk jagħmel it-tagħlim aktar interattiv u attraenti. Ingħatat attenzjoni biex l-apparat jinkludi protezzjoni u filtrazzjoni biex jinħoloq ambjent ta’ tagħlim diġitali sikur.
Permezz tat-teknoloġija, it-taħriġ u r-riżorsi, il-proġett jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Edukazzjoni Diġitali tal-Unjoni Ewropea 2021–2027 u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2021–2024, filwaqt li jallinja lil Malta mal-għanijiet Ewropej għal soċjetà b’ħiliet diġitali u inklużiva.
Dan il-proġett jenfasizza l-impenn ta’ Malta biex tipprovdi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa l-għodod u l-opportunitajiet meħtieġa biex din tirnexxi f’dinja li dejjem qed tiddependi aktar fuq il-ħiliet diġitali.