Informazzjoni rigward l-ippjanar tal-ispazju ta’ Malta ngħatat dehra ġdida permezz ta’ investiment b’fondi mill-Unjoni Ewropea għal sistema integrata ta’ informazzjoni li tinkludi ħolqien ta’ basemap ġdida (l-aħħar waħda ġiet imfassla fl-1988), kif ukoll tnedija ta’ sistema ġdida ta’ informazzjoni online li ser tkun qed tgħaqqad flimkien numru ta’ entitajiet differenti.
SIntegraM, proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej permezz tal-European Regional Development Fund (ERDF) u mmexxi mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), huwa proġett intiż biex jirrevoluzzjona d-data kif nafuha llum – jikkonverti lil Malta fi spazju tridimensjonali li tkun tista’ tiġi esplorata permezz tar-realtà virtwali, augmented reality, u issa anke mixed reality.
Waqt żjara ta’ wieħed mill-iktar elementi immersivi ta’ dan il-proġett, is-SIntegraM CAVE, (Computer Automated Virtual Environment), il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li dan il-proġett ser ikun wieħed ta’ benefiċċju għas-soċjetà għax se jkun qed jippermetti li jittieħdu snapshots tal-ambjent tagħna, jippermetti li nivvjaġġaw f’dan l-ambjent virtwali, nifhmu aħjar it-tibdil li jista’ jiġri, jgħinna nifhmu aħjar l-għoli tal-livell tal-baħar, u numru ta’ possibbiltajiet oħra. Huwa spjega kif din is-sistema ser tkun qed tgħin sabiex jiġu proposti u moniterati l-infrastruttura l-ħadra, kif ukoll ser tgħin fl-infurzar.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, b’investiment ta’ seba’ miljun ewro f’fondi Ewropej, qed jitwettaq proġett li qed jiġbor informazzjoni f’sistema waħda ċentralizzata, li se tkun qed tiffaċilita l-proċess tal-ippjanar u tiġbor tagħrif ambjentali. Hu spjega li din is-sistema teknoloġika se tkun qed tiġbor l-informazzjoni mhux biss mill-art, imma anki mill-baħar u mill-ajru permezz ta’ droni, li se jwassal għall-proċess ta’ diġitalizzazzjoni biex joħloq immaġni virtwali fejn se jiġu riprodotti siti Maltin. Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-proġett wassal għal, “Diġitalizzazzjoni aktar wiesa’ fil-qasam ma’ dak li ghandu x’jaqsam mal-ippjanar u l-ġeografija ta’ pajjiżna.”
Il-project leader Ashley Hili qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-għan li, permezz ta’ dan il-proġett, tiżviluppa infrastruttura ta’ data ġeografika nazzjonali u ssaħħaħ il-kapaċità ta’ għarfien ġeo-spazjali/tat-teknoloġija GIS għal Malta. Dan il-proġett issa joffrilna sistema strateġika ġdida dwar kif id-data ġeografika tinġabar, tiġi mmaniġġjata, analizzata u ssir disponibbli.
“Sa mit-tnedija tal-inizjattiva Cloudisle, li kreat l-ewwel mappa tridimensjonali tal-ġżejjer Maltin fl-2017, it-teknoloġija avvanzat drastikament u l-Università ta’ Malta kienet strumentali sabiex tassigura li dan il-proġett ikollu effetti pożittivi u tanġibbli fuq is-soċjetà. Permezz tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, imbuttajna favur aktar ippjanar minn qabel għall-benessri tas-soċjetá,” qal Prof Saviour Formosa, il-persuna li kkonċetwalizza u imbotta l-proġett SintegraM.