Tuesday, July 22, 2025

Investiment f’dak li jsaħħaħ il-komunitajiet Għawdxin – il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-Otters Aquatic Sports ClubIl-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, akkumpanjat mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar l-Otters Aquatic Sports Club f’Marsalforn Għawdex.

Aqra wkoll

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ tfal u żgħażagħ li jattendu l-klabb kif ukoll mal-atleti. Huwa ltaqa’ wkoll mal-kumitat tal-klabb tal-Waterpolo, li rringrazzjaw lill-Gvern għall-għajnuna li ngħataw bħala klabb matul is-snin kemm dik finanzjarja kif ukoll l-għajnuna riċenti fejn ġie provdut spazju adegwat biex isir it-taħriġ.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-investiment f’faċilitajiet sportivi u dak li kollu li jsaħħaħ il-komunitajiet huwa dak li jisħaq fuqu Gvern Laburista biex jgħin l-għaqdiet. Qal li komunitajiet differenti, fosthom dawk sportivi jagħtu ħafna lill-pajjiż fosthom qed jgħinu t-tfal u żgħażagħ jibnu stil ta’ ħajja b’saħħitha, aspett importanti li fil-pajjiż irid ikompli jixxettel. Sostna li għalhekk komunitajiet b’saħħithom ma jistgħux jikbru jekk ma jkollhomx investiment li jgħinhom ukoll jilħqu aktar nies billi jkunu inklużiva.

Illum il-klabb iħarreġ bosta tfal u għandu sezzjoni differenti li bihom qed irawwem it-tfal sa minn età żgħir fl-isport akwatiku u bosta żgħażagħ fl-isport tal-Waterpolo. Il-kumitat tal-Otters irrimarka kif l-appoġġ tal-Gvern qed jippermetti li l-klabb ikompli jikber u jħares b’ottimiżmu lejn il-futur. Dan fost oħrajn permezz ta’ inizjattivi bħall-organizzazzjoni tal-Otters Fest f’Settembru, il-promozzjoni tat-turiżmu sportiv f’Għawdex bil-Visit Gozo Cup u l-ftehim li permezz tiegħu tliet boathouses fiż-żona ta’ Marsalforn għaddew għand il-klabb b’ċens għal 45 sena.

Il-Prim Ministru Abela faħħar il-ħidma volontarja u l-ispirtu komunitarju tal-klabb, u enfasizza l-importanza ta’ dixxiplini sportivi bħall-waterpolo biex ikomplu jinħolqu opportunitajiet sbieħ għal tfal u żgħażagħ Għawdxin. Żied jgħid li Gvern Laburista se jibqa’ jappoġġja l-inizjattivi tal-klabbs sportivi lokali, b’investiment li jsaħħaħ kemm il-ħajja soċjali kif ukoll il-potenzjal turistiku ta’ Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport