Tuesday, March 3, 2026

Investiment F’Ħiliet Ġodda: Sa €1,000 Lura Għal Min Jistudja l-Coding

Aqra wkoll

https://www.facebook.com/reel/938219935431289

F’dinja li dejjem qed issir aktar diġitali, il-ħila li tifhem u tikteb il-kodiċi tal-kompjuter (coding) saret waħda mill-aktar għodod importanti fis-suq tax-xogħol. Biex tkompli tinkoraġġixxi t-tagħlim f’dan il-qasam, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) nediet l-iskema ‘Boost Your Coding’.

Din l-inizjattiva qed toffri għajnuna finanzjarja b’saħħitha, fejn dawk li jsegwu korsijiet tal-coding jistgħu jibbenefikaw minn rifużjoni sa massimu ta’ €1,000. Din l-iskema hija miftuħa għal kull min għandu minn 16-il sena ’l fuq u huwa residenti f’Malta.

L-għan huwa li jintlaħqu aktar minn 400 applikant, fosthom żgħażagħ li jixtiequ jibdew il-karriera tagħhom, adulti li jridu jibdlu l-linja tax-xogħol, jew persuni li minn dejjem kellhom interess fit-teknoloġija iżda qatt ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmu.

Punt importanti f’din l-iskema huwa li l-applikazzjonijiet huma miftuħa wkoll b’mod retroattiv. Dan ifisser li kull min beda kors tal-coding minn Ottubru tal-2025 ’il quddiem jista’ japplika biex jieħu flusu lura kemm -il darba l-kors jigi accettat. L-applikazzjonijiet għar-rifużjoni se jibqgħu jintlaqgħu sa tmiem Settembru tal-2026, biex b’hekk l-istudenti jkollhom biżżejjed żmien biex itemmu l-istudji tagħhom b’suċċess.

Il-proċess huwa mibni biex ikun flessibbli għall-bżonnijiet tal-individwu. Jekk il-kors li tagħżel jiġi jiswa inqas minn €1,000, tista’ tuża l-bqija tal-ammont biex tapplika għat-tieni jew anke t-tielet kors. L-MDIA ippubblikat ukoll Katalgu uffiċjali b’lista ta’ korsijiet approvati li jiġu pproċessati aktar malajr. Madankollu, korsijiet oħra li mhumiex fil-lista xorta jistgħu jiġu kkunsidrati sakemm ikunu relatati direttament mal-coding.

L-iskema taħdem fuq bażi ta’ rifużjoni, fejn l-istudent, wara li jigi accettat ghall-beneficcju tal-iskema, iħallas għall-kors hu stess u mbagħad japplika biex jingħata l-flus lura mill-MDIA wara li jippreżenta l-irċevuti u ċ-ċertifikat tal-kors. Billi l-postijiet huma limitati għall-ewwel 400 applikant, dawk interessati huma mħeġġa jżuru s-sit uffiċjali tal-MDIA biex jaraw id-dettalji kollha u jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.

Din hija innizjattiva tal-Gvern, amministrata mill-MDIA bl-appogg tal-Ministeru Ghall-Ekonomija, Intrapriza u Progetti Strategici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport