Il-Malta Air Traffic Services (MATS) temmet b’suċċess xogħlijiet ta’ titjib fit-torri tal-kontroll tagħha, investiment li ser jippermetti l-użu aktar effiċjenti tal-ispazju eżistenti u jżid il-kapaċità operattiva.
Dan il-proġett jifforma parti minn pjan usa’ ta’ investiment ippjanat li jindirizza ż-żieda fid-domanda li s-settur tal-avjazzjoni esperjenza matul l-aħħar snin, b’mod partikolari l-konnettività u n-numru ta’ titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. B’rotot ġodda u uħud aktar frekwenti, kien essenzjali li t-Torri tal-Kontroll ikun mgħammar biex jilqa’ għal domanda ogħla u jkompli jiggarantixxi l-ogħla standards ta’ sigurtà u effiċjenza.
Ix-xogħlijiet ġew ippjanati f’perjodu tas-sena fejn id-domanda tkun aktar baxxa filwaqt li kienu kkordinati wkoll ma’ interventi oħra ta’ manutenzjoni li kienu diġà skedati fl-ajruport. Dan sar sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda tfixkil fit-titjiriet u li l-operat fl-ajruport jibqa’ għaddej bla interruzzjoni.
Dan il-proġett jifforma parti minn investiment ta’ nofs miljun ewro li kien tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt żjara li għamel f’Jannar li għadda fil-faċilitajiet tal-MATS. Matul dik iż-żjara kien tħabbar kif Malta rreġistrat numru rekord ta’ titjiriet fl-2025, kemm dawk li jużaw l-ajruport Malti kif ukoll dawk li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru Malti. Il-Ministru Bonett qal “L-investimenti li qed isiru huma parti minn viżjoni nazzjonali fit-tul li tħares lejn l-2050, sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-konnettività tagħha mad-dinja filwaqt li tkabbar is-settur tal-avjazzjoni li huwa wieħed mill-pilastri ekonomiċi tal-pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Traffic Services, Claude Mallia spjega kif dan ix-xogħol huwa parti mill-pjan li għandha l-MATS biex tiddaħħal aktar teknoloġija moderna li tiffaċilita l-operat. Huwa qal li fis-snin li ġej, il-MATS ser tkompli tinvesti f’diversi aspetti tal-operat biex il-ħaddiema jkollhom għodda u teknoloġija moderna biex ikomplu joffru dan is-servizz essenzjali.
Adrian Vassallo, Senior Head Tower, Operations Section spjega kif dan ix-xogħol ilu ppjanat iktar minn sena bi tħejjija għas-sajf li ġej fejn il-volum ta’ ajruplani li jagħmlu użu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jiżdied b’minn tal-inqas 6%. Dan wassal għal bżonn li jkun hemm aktar kontrolluri preżenti biex jassiguraw li l-MATS tibqa’ toffri servizz effiċjenti u ta’ livell għoli.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, Malta qed tkompli tinvesti f’teknoloġija moderna li issostni t-tkabbir ekonomiku u ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru strateġiku tal-avjazzjoni fil-Mediterran.



