Tuesday, December 24, 2024

Investiment fl-infurzar għaż-żamma tal-indafa fil-lokalitajiet

Aqra wkoll

Madwar 50 żona pubblika fil-lokalitajiet tar-Reġjun Port li kienu suxxettibbli għar-rimi illegali tal-iskart, issa ġew mgħammra b’kameras tas-sigurtà. Dan ġie mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mal-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Port Paul Farrugia.

Is-sistemi tal-kameras tas-sigurtà ġew ffinanzjati mill-Kunsill Reġjonali Port, sabiex jassistu lill-kunsilli lokali fi ħdan ir-Reġjun fiż-żamma tal-indafa ta’ dawn il-11 il-lokalità. Is-sistemi tas-sigurtà huma kollha konnessi mas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija LESA sabiex ikomplu jsaħħu l-monitoraġġ u l-infurzar fuq rimi ta’ skart illegali.

Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva u l-impenn tal-Kunsill Reġjonali tal-Port li ħejja pjan sostenibbli sabiex jindirizza l-isfida tal-lokalitajiet tal-Port b’mod li jikkumplimenta mezzi oħra ta’ infurzar. Hija elenkat li dan l-investiment f’aktar infurzar kien importanti, wara li fl-2023 il-kunsilli reġjonali bdew jamministraw il-ġbir tal-iskart domestiku fuq bażi reġjonali u skont l-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart.

“L-infurzar tal-liġijiet kontra r-rimi illegali tal-iskart huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-ambjent li ngħixu fih, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja tal-komunità kollha,” saħqet is-segretarju parlamentari.

L-erbgħa żoni li ġew installati l-kameras fil-Belt Valletta jinkludu ż-żona tal-Kamrata, Triq il-Merkanti kantuniera ma’ Triq it-Tramuntana, Triq San Nikola kantuniera ma’ Triq San Pawl u Triq il-Fran kantuniera ma’ Triq San Duminku.

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li l-installazzjoni ta’ aktar sistemi tas-sigurtà għall-monitoraġġ u l-infurzar fuq rimi ta’ skart illegali ser jissarrfu f’Belt aktar nadifa u sabiħa, kemm għar-residenti u dawk kollha li jżuru l-Belt Kapitali.

Il-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Port Paul Farrugia qal li r-Reġjun Port impenjat li jkompli  jaħdem u jassisti lill-kunsilli lokali fi ħdanu sabiex jindirizzaw sfidi li jistgħu jkunu ta’ deterrent għall-kwalità tal-ħajja tar-resident. “Wieħed mill-għanijiet primarji tagħna huwa li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar, kemm lir-residenti kif ukoll lil kull min iżur il-lokalitajiet fi ħdan ir-Reġjun,” saħaq is-Sur Farrugia.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti diversi sindki tal-lokalitajiet fi ħdan il-Kunsill Reġjonali tal-Port.

Ekonomija

Sport