L-edukazzjoni ta’ wliedna f’pajjiżna hija bla ħlas. Din hija pprovduta mill-Istat fejn ilvjaġġ edukattiv jibda mill-Kindergarten jibqa’ tiela’ sa livell terzjarju. Anzi, b’differenza minn ċerti pajjiżi kbar bħalma hija l-Istati Uniti, mhux biss uliedna jitgħallmu bla ħlas imma, il-Gvern jagħti wkoll stipendji lil dawk l-istudenti
li jagħżlu li jkomplu jistudjaw.
Dan għax investiment fl-istudenti tagħna huwa investiment fil-pajjiż. Investiment li jsarraf fi professjonisti u ħaddiema tas-sengħa kkwalifikati li jikkontribwixxu bil-kbir fl-ekonomija tal-pajjiż.
Huwa għalhekk li dak li l-Istat jinvesti fi wliedna li jridu jistudjaw mhuwiex investiment fieragħ imma investiment għaqli li ’l quddiem isarraf f’ekonomija b’saħħitha. L-investiment għat-tagħlim tal-istudenti tagħna mhuwiex limitat għal stipendji biss.
Hemm investiment infrastrutturali fl-iskejjel fejn f’dawn l-aħħar snin madwar Malta u Għawdex rajna jinfetħu diversi skejjel state of the art. Imbagħad wieħed irid jikkonsidra l-akbar investiment fis-settur tal-edukazzjoni li huma l-eluf ta’ edukaturi li għandna.
Hawn ukoll hemm investiment kbir. Fil-fatt, ftit ġranet ilu ntlaħaq qbil bejn il-Malta Union of Teachers (MUT) u l-Gvern għall-akbar ftehim settorjali fl-Istorja
b’titjib kemm fil-pagi kif ukoll fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi tagħna. Dan l-investiment fl-għalliema wkoll isarraf f’investiment fl-istudenti tagħna u finalment fil-pajjiż.
Il-ħidma tal-Gvern kompliet hekk f’dawn ilġranet saru aktar ħlasijiet bħala parti minn investiment ieħor li s’issa laħħaq il-€5.5 miljuni f’allowance għall-istudenti li jibqgħu jistudjaw wara l-livell obbligatorju, jiġifieri dak tas-sekondarja. Hawn qegħdin jiġu megħjuna ma’ 11,000 studenti minn madwar 10,000 familja.
Dan ukoll huwa parti mill-katina ta’ flus imħallsa mit-taxxi tal-poplu għall-poplu. Flus li lGvern qiegħed ipoġġihom fejn l-aktar li hemm bżonn. Inizjattivi bħal dawn huma importanti u nemmnu li għandhom ikomplu.
Magħhom, nemmnu wkoll li hemm bżonn ta’ aktar attenzjoni u investiment biex inħarsu s-saħħa mentali tal-istess studenti li qegħdin ninvestu fihom Dan għax, hekk kif qegħdin nisimgħu u naraw quddiem għajnejna, il-problemi tas-saħħa
żdiedu.
Dawn żdiedu anke fost it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Edukazzjoni b’saħħitha ma toħroġx il-potenzjal kollu jekk m’hemmx is-saħħa mentali
u filwaqt li hawn, ukoll, l-Istat qiegħed jaħdem biex jindirizza l-isfidi fis-settur tas-saħħa mentali, nemmnu li hemm bżonn ta’ aktar.
Dan għax fil-ġurnata tal-lum l-istudenti jiffaċċjaw sfidi kbar li jvarjaw minn problemi familjari, inċertezzi personali u soċjali, peer pressure, influwenza negattiva mill-midja soċjali, droga u iva, pressjoni mill-istess studji tagħhom.
Għaldaqstant, filwaqt li nirrikonoxxu l-importanza ta’ edukazzjoni soda, nemmnu li
hemm lok ta’ investiment aktar b’saħħtu fil-kura tas-saħħa mentali tal-istudenti tagħna.
Dan mhux għax ma sarx jew mhuwiex isir iżda, minħabba r-realtajiet tal-lum, dan il-bżonn aċċenwa ruħu sew u miegħu għandu bżonn ikun aċċenwat ukoll l-investiment.
B’dan ilmod inkunu qegħdin nassiguraw li aktar studenti, barra milli jkunu mħajra jkomplu jistudjaw, ikunu wkoll mentalment b’saħħithom biex jilħqu b’suċċess il-miri edukattivi tagħhom. Miri li l-pajjiż qiegħed jagħmel minn kollox biex jilħaq.