Tuesday, September 16, 2025

Investiment ġdid fil-mobilità għall-anzjani b’4 vannijiet elettriċi ġodda

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, inawgura erba’ vannijiet elettriċi ġodda li se jintużaw għas-servizz tas-Silver-T, servizz ta’ trasport b’xejn iddedikat għall-anzjani fil-komunità. Dan l-investiment ta’ aktar minn €200,000 jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) lejn mobilità aċċessibbli, sostenibbli u sigura.

Is-servizz tas-Silver-T jiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani billi jipprovdi trasport lejn postijiet essenzjali bħaċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva, appuntamenti mediċi, kunsilli lokali, banek u postijiet ta’ qima. Dan is-servizz, li ilu jopera mill-2019, joffri mezz indipendenti ta’ mobilità għall-anzjani mingħajr ma jkollhom jiddependu fuq membri tal-familja jew ħbieb.

Matul l-2024, is-Silver-T wettaq total ta’ 57,527 vjaġġi, li minnhom ibbenefikaw 2,282 anzjan/a. Sa Awwissu ta’ din is-sena, diġà saru aktar minn 44,800 vjaġġ u bbenefikaw 2,238 anzjan/a. Dan jindika żieda kostanti fid-domanda, u għalhekk il-vannijiet il-ġodda se jkunu kruċjali biex jespandi l-kapaċità u jilħaq aktar utenti f’Malta u Għawdex.

Waqt l-inawgurazzjoni, Dr Agius Galea saħaq li, “Dan l-investiment mhux biss hu pass lejn trasport iktar modern u komdu għall-anzjani tagħna, iżda wkoll kontribuzzjoni konkreta għall-viżjoni nazzjonali ta’ sostenibbiltà u għad-dritt ta’ kulħadd għal mobilità dinjituża u sigura. Se nibqgħu nħarsu lejn kif nistgħu ntejbu dan is-servizz sabiex jilħaq iktar anzjani u jkompli jagħmel differenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele u l-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Steve Agius, fejn fil-kummenti tagħhom enfasizzaw li l-mobilità hija kruċjali biex l-anzjani jibqgħu jgħixu b’mod attiv u indipendenti fil-komunità.

Il-vetturi l-ġodda huma kompletament elettriċi, konformi mal-istrateġija nazzjonali ta’ dekarbonizzazzjoni u l-impenn favur ambjent aktar nadif. Il-vetturi jnaqqsu l-emissjonijiet, jagħtu kontribut lejn arja aktar nadifa fil-komunitajiet, u joperaw b’livell baxx ta’ storbju, ideali għall-użu f’żoni residenzjali.

Is-servizz tas-Silver-T jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 a.m. sas-2:00 p.m. Anzjani li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu mill-inqas tlett ijiem qabel fuq 2278 8900.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport