Il-Kunsill Lokali tal-Mosta żied is-sigurtà u l-aċċessibbiltà permezz ta’ installazzjoni ta’ aktar minn 60 electric light bollard fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €60,000 permezz tal-iskema “Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali.” Din hija r-raba’ sena konsekuttiva li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali allokat fondi għal din l-iskema.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li proġetti infrastrutturali maġġuri li jkunu mwettqa mill-Gvern Ċentrali fi snin preċedenti jkunu jistgħu jiġu miżmuma fi stat tajjeb. Dawn il-fondi jservu sabiex il-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni li jwettqu manutenzjoni fuq tali proġetti.
Il-Kunsill Lokali tal-Mosta applika għal din l-iskema sabiex jiġu installati light bollards aktar b’saħħithom minħabba li dawk preċedenti kienu kontinwament qed jiġu vandalizzati, filwaqt li jżid aktar sigurtà u aċċessibbiltà fil-passaġġi tal-ġnien. Ġiet imwaħħla wkoll sistema ta’ dawl ġdida li tirregolarizza l-bollards skont il-bżonn ta’ dawl.
Waqt żjara f’dan il-ġnien, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li din l-iskema hija għodda għall-kunsilli lokali għaliex tassigura li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq proġetti maġġuri fil-qalba tal-komunitajiet. “Il-gvern kommess li jibqa’ jalloka fondi lill-kunsilli lokali li jistgħu jissarfu fit-titjieb tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” qalet is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Mosta Christopher Grech qal li Ġnien l-Għarusa tal-Mosta huwa pulmun ta’ 7,000 metru kwadru għar-residenti Mostin, u għaldaqstant il-manutenzjoni u s-sostenn ta’ dan il-ġnien huma prijorità għall-Kunsill Lokali tal-Mosta. “Il-kunsill lokali seta’ biss jimplimenta dan il-proġett permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali, għaliex proġetti maġġuri jirrikjedu ħafna finanzi għaż-żamma u s-sostenn tagħhom,” temm jgħid is-Sur Grech.