Thursday, February 5, 2026

Investiment ieħor favur ċittadini aktar siguri

Aqra wkoll

Organizzazzjonijiet mhux governattivi li jassistu b’mod dirett lill-Korpi Dixxiplinati favur ċittadini aktar siguri u b’għajnuna fil-mument tal-bżonn ingħataw fondi mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol biex ikunu jistgħu jwettqu aktar ġid fis-soċjetà.

Il-kollaborazzjoni kontinwa bejn id-Dipartiment u dawn l-entitajiet mhux governattivi ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ Malta biex tirrispondi b’mod effiċjenti u effettiv għal emerġenzi, diżastri u l-ħtiġijiet tal-komunità, dejjem fl-interess tal-poplu Malti.

B’dawn l-għotjiet finanzjarji ngħataw lill-organizzazzjonijiet li ġejjin: St John Ambulance, Malta Red Cross, The Emergency Fire & Rescue Unit, Emergency Response & Rescue Corps Gozo, K9 Search & Rescue Malta, K9 Urban Search & Rescue Malta, Malta Amateur Radio League u St John’s Rescue Corps.

F’inċidenti kbar bħal nirien, għargħar, maltempati u operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ fost oħrajn, dawn l-entitajiet jipprovdu s-sapport tagħhom lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Sapport li jistgħu jagħtuh ukoll għaliex dawn l-entitajiet jipparteċipaw f’taħriġ konġunt, b’eżerċizzji ta’ tħejjija għal kull eventwalità. Huma jikkollaboraw ukoll fuq kampanji t’għarfien u ta’ edukazzjoni pubblika, taħriġ fl-ewwel għajnuna u fil-kura medika, eżerċizzji ta’ simulazzjoni u protokolli operattivi kkoordinati. Eżerċizzji bħal dawn jgħinu biex il-persuni jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri operattivi ta’ xulxin, biex fil-mument tal-bżonn, iservu bl-aqwa mod. B’din l-għajnuna finanzjarja li tingħata ta’ kull sena u li din is-sena tlaħħaq l-€40,000, tissarraf f’aktar tħejjija u ħidma minn dawn l-entitajiet mhux governattivi.

Il-Ministru Byron Camilleri dwar din l-inizjattiva spjega li “dawn il-fondi huma investiment dirett fil-familji Maltin, għaliex permezz tas-servizzi li qed jagħtu dawn l-entitajiet mhux governattivi, qed jiġu mħarsa aħjar iċ-ċittadini tagħna. Dawn l-organizzazzjonijiet qed ikunu wkoll ta’ spalla soda għall-korpi dixxiplinati tagħna f’dawk l-aktar mumenti ta’ bżonn. Nirringrazzjawhom tal-ħidma dedikata u siewja li jwettqu b’risq Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport