Thursday, April 9, 2026

Investiment ieħor rekord fil-pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-2025

Aqra wkoll

L-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali kompla jirranka matul l-2025 biex laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien.

Benefiċjarji kontributorji u dawk mhux kontributorji bejniethom tħallsu madwar €1.62 biljun – investiment li kien jirrappreżenta 21% tan-nefqa rikorrenti globali tal-Gvern matul is-sena u  d-doppju tal-ammont ta’ benefiċċji mħallsa fis-sena 2013. 

Ċifri ppubblikati llum 9 ta’ April mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-investiment fuq benefiċċji kontributorji żdied b’€106.3 miljun fuq is-sena ta’ qabel u laħaq aktar minn €1.25 biljun.

Iż-żieda fuq benefiċċji mhux kontributorji kienet ta’ aktar minn €36 miljun u telgħet għal €362.5 miljun.

L-għadd ta’ pensjonanti kontributorji issa qabeż il-100,000. Meta magħhom tgħodd ukoll dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età, matul is-sena li għaddiet b’kollox dawk li jirċievu xi pensjoni telgħu għal madwar 106,800. Id-dħul tagħhom f’pensjonijiet u f’pagamenti tal-bonus li jirċievu mal-pensjoni żdied b’€103 miljun għal €1.25 biljun. Din il-qabża kienet prinċipalment dovuta għaż-żieda annwali ta’ €416 fil-pensjonijiet kollha u  għal titjib ieħor li sar fil-pensjonijiet.  

Pensjonanti romol kellhom żidiet addizzjonali bis-saħħa ta’ aġġustament fil-pensjoni tagħhom li ser iwassal biex mis-sena d-dieħla jibdew jirċievu l-istess rata ta’ pensjoni li kienu jieħdu l-konjuġi tagħhom kieku baqgħu ħajjin. 

Bosta minnhom li twieldu qabel l-1962 flimkien ma’ firxa ta’pensjonanti tal-irtirar mwielda qabel l-istess sena gawdew minn żieda addizzjonali fil-pensjoni bl-aġġustament li għaddej biex jonqos id-distakk fid-dħul pensjonabbli massimu bejn persuni  li twieldu qabel l-1962 u oħrajn li twieldu wara.

Pensjonanti oħra ħadu żidiet oħra, skont meta rtiraw, fil-bonus għall-għoli tal-ħajja li jitħallas separatament mal-pensjoni. Biċ-ċaqliq li sar fir-rati ser iwassal biex mis-sena d-dieħla l-bonus ikun l-istess għal kulħadd, irrispettivament minn meta rtiraw biex se tkun eliminata anomalija oħra maħluqa fl-2008.

Madwar 13,800  persuna, l-aktar nisa,  li mhux eliġibbli għal pensjoni minħabba li ma kellhomx bolol biżżejjed, kellhom żidiet oħra fir-rati tal-bonus annwali li jitħallsu kull sena. B’kollox irċevew €10.5 miljun, żieda ta’ €3 miljun fuq is-sena  ta’ qabel.

Dħul akbar għall-familji bit-tfal

Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-investiment fuq familji bit-tfal matul l-2025 kiber b’madwar €18-il miljun u laħaq kważi €113-il miljun. Dan l-ammont kien jirrappreżenta terz tan-nefqa globali fuq benefiċċji mhux kontributorji.   

Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar minħabba ż-żieda qawwija fl-allowance tat-tfal, żieda fl-allowance għal tfal b’diżabilità kif ukoll għal titjib ieħor fil-ħlas tal-In-work Benefit lill-ġenituri li jaħdmu.

It-tieni l-akbar żieda fil-benefiċċji mhux kontributorji kienet dik ta’ €9.2 miljun għal kważi €52 miljun fil-benefiċċju addizzjonali tal-COLA li tħallas lil 107,770 persuni jew familji bi dħul baxx jew medju biex jagħmel tajjeb għall-inflazzjoni.    

Tqassim tal-ġid

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li l-istatistika tirrifletti kemm kibret il-firxa tal-investiment soċjali bis-saħħa tat-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiż.  

Dan hu rifless f’rati rekord ta’ impjiegi, l-anqas livelli ta’ qgħad u tnaqqis fil-faqar u d-dipendenza soċjali tant li fuq medda ta’ 11-il sena l-għadd ta’ dawk fuq l-assistenza soċjali niżlu bi 58%, filwaqt li persuni fuq l-assistenza għal qgħad niżlu b’94%.  

Il-Ministru Falzon sostna li l-Gvern kien bil-għaqal biex bit-tfaddil li sar fin-nefqa b’riżultat ta’ dan it-tnaqqis fil-benefiċjarji tal-assistenzi soċjali, flimkien ma’ investimenti ġodda, ħoloq benefiċċji u skemi biex waqt li tonqos id-dipendenza soċjali jgħin lill-eluf ta’ pensjonanti, ġenituri u ħaddiema jgħollu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom.

Dwar il-pensjonijiet, il-Ministru Falzon irrimarka li mill-2016, meta ngħata bidu għal żidiet annwali minbarra l-COLA fil-pensjonijiet, l-investiment żdied b’€532 miljun jew 74%. Illum il-Pensjoni Minima hija ogħla mill-Pensjoni Massima fl-2013.

Dr Falzon temm jgħid li, “Filwaqt li l-pensjonanti, il-familji bit-tfal u l-persuni vulnerabbli jibqgħu fil-mira tal-ħidma soċjali tagħna, aktar minn qatt qabel nibqgħu ffukati sabiex inkomplu negħlbu sfidi ġodda li jistgħu jinbtu madwarna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport