Friday, June 13, 2025

Investiment ieħor ta’ €24.4 miljun f’benefiċċji lil 62,000 familja

Aqra wkoll

Aktar minn 62,000 familja, inklużi koppji u persuni singoli fi tmiem din il-ġimgħa ser jirċievu pagamenti ta’ benefiċċji soċjali li b’kollox ilaħħqu madwar €24.4 miljun.

Dawn il-pagamenti qed jitħallsu bil-quddiem għat-tliet xhur li ġejjin u jolqtu l-aktar familji li qed irabbu tfal taħt is-sittax-il sena, tfal b’diżabilità u tfal fostered. Ħlasijiet oħra qed isiru lil koppji u persuni singoli bi dħul baxx.

L-akbar investiment jolqot 42,204 familja bi 62,700 tifel u tifla li jirċievu ċ-Children’s Allowance. Bejniethom ser jirċievu  €18.4 miljun li jinkludu l-ħlas tas-suppliment għal kull wild li din is-sena tela’ għal €640 jew €660 skont id-dħul tal-familja.

Fost il-familji hemm min qed igawdi minn rati ogħla taċ-Children’s Allowance b’riżultat tal-miżura tal-Budget li mid-dħul tal-familja jiġi injorat mhux biss il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali iżda wkoll l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul li jkun tħallas.

Minbarra ċ-Children’s Allowance, familji bi tfal b’diżabilità fiżika jew mentali se jitħallsu l-allowance għal tfal b’diżabbiltà li din is-sena tlaħħaq l-€1,820, żieda ta’ €260 fuq is-sena ta’ qabel. Il-pagament globali tagħhom din il-ġimgħa jlaħħaq il-€1.2 miljun.

Ħlasijiet oħra ta’ madwar €370,000 ser imorru għand 169 familja li jiffosterjaw numru ta’ tfal. 

Familji li m’għandhomx tfal taħt is-sittax-il sena, koppji u persuni singoli bi dħul baxx se jitħallsu l-Allowance Supplimentari, li flimkien ma’ benefiċċji oħra li jingħataw matul is-sena, tgħinhom biex ilaħħqu aħjar mal-ħajja.

L-għadd ta’ familji, koppji u persuni singoli li qed jirċievu l-Allowance Supplimentari jgħoddu madwar 19,600 u bejniethom qed jirċievu €4.4 miljun. Ir-rati tal-allowance li jitħallsu tjiebu permezz ta’ tibdil fil-mekkaniżmu li jistabbilixxi r-rati skont id-dħul tal-familji jew persuni. Barra minn hekk twessa’ wkoll il-limiti tad-dħul biex aktar koppji u persuni jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw.

Ir-rati l-ġodda u t-titjib fil-parametri ta’ dawn il-benefiċċji daħlu fis-seħħ minn Diċembru li għadda u b’kollox l-investiment f’dawn il-benefiċċji sa issa tela’ għal total ta’ madwar €74 miljun.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li l-familja hija fil-qofol tal-politika tal-Gvern, kif jixhed il-Pjan Soċjali għal Familja 2025-2030 li issa beda jitwettaq. Huwa qal li l-investiment soċjali bla preċedent li qed jagħmel il-Gvern huwa l-akbar prova tar-ruħ soċjali li għandu dan il-gvern.

Intant, fit-28 ta’ Ġunju li ġej se jsir il-ħlas tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja lil kważi 100,000 familja bi dħul baxx jew medju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport