Kumpanija tal-avjazzjoni li għandha ċentru ta’ operat f’pajjiżna se tkun qed tinvesti f’sitt ajruplani tat-tip 777 Converted Freighter u se jkunu reġistrati f’pajjiżna. Il-kumpanija li ġġorr il-merkanzija u timpjega Maltin f’pajjiżna jisimha Challenge Air Cargo u f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota dan l-investiment bħala att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna permezz ta’ investiment ta’ kwalità li jkompli jgħin biex jinħolqu karrieri ta’ kwalità li jrendu għall-familji f’pajjiżna.
Dan l-investiment se jkun qed jikkumplimenta t-tliet ajruplani tat-tip 767 Freighter li diġà għandha fi ħdanha l-istess kumpanija. F’dawn l-aħħar snin, Challenge Air Cargo, li fost oħrajn tiffoka l-operat tagħha fuq il-ġarr tal-merkanzija, investiet biex issa qed iġġorr man-nofs miljun tunnellata fis-sena f’merkanzija. Dan billi anke mill-2018 lil hawn, irrilokat l-uffiċċju ewlieni tagħha f’pajjiżna u qed tħaddem mal-140 persuna lokalment. Fl-istess żmien irnexxielha tikseb Air Operator Cerificate u ġiet rikonoxxuta bħala Approved Training Organisation.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif ħames snin ilu, waħda mill-ewwel impenji li kellu kienet marbuta mas-settur tal-avjazzjoni u dakinhar pajjiżna kellu mal-500 ajruplan irreġistrat taħt il-bandiera tiegħu. “Illum sodisfatt ninnota li għandna 920 ajruplan irreġistrat taħt pajjiżna. Jiġifieri f’inqas minn ħames snin rnexxielna nirduppjaw in-numru ta’ ajruplani rreġistrati magħna. Għalhekk inħares ’il quddiem li nilħqu l-1,000 ajruplan irreġistrat fix-xhur li ġejjin,” sostna l-Prim Ministru.
Dr Abela aċċenna għall-Malta Vision 2050 hekk kif sostna li din, b’mod ħolistiku, se timbotta ’l quddiem is-setturi differenti f’pajjiżna lejn it-tranżizzjoni diġitali u ħadra. “Konvint li b’konsultazzjoni mal-imsieħba kollha konċernati se nkunu qed nipprovdu bażi soda għall-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni. Intant fix-xhur li ġejjin se naħdmu wkoll sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tar-riżorsa umana f’pajjiżna permezz tar-reskilling u l-upskilling,” sostna l-Prim Ministru hekk kif fakkar ukoll fl-introduzzjoni tal-Labour Migration Policy li għandha tassigura qasam tax-xogħol li jirrifletti l-bżonnijiet tal-pajjiż filwaqt li tkompli tassigura d-drittijiet lill-ħaddiema.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett tenna kif dan il-proġett jixhed id-direzzjoni tal-Gvern fis-settur tal-avjazzjoni. Investiment mill-kumpanija Challenge Group li sena wara oħra kompliet tikber fl-operat tagħha u toffri l-aqwa opportunitajiet ta’ impjiegi. Huwa temm jgħid, “Dan il-proġett jgħaqqad ma’ katina ta’ investimenti li saru u qed isiru tant li llum ninsabu f’punt fejn pajjiżna għandu aktar minn disa’ mitt ajruplan reġistrat taħt il-bandiera Maltija li flimkien qed ikomplu jwessgħu l-konnettività tagħna mal-kumplament tad-dinja.”