L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku (ASA) se tospita l-Final Four tal-LEN Champions League għat-tieni sena konsekuttiva fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju. Dan l-avveniment prestiġjuż, appoġġjat minn SportMalta u VisitMalta, se jġib f’Malta l-aqwa timijiet tal-waterpolo fl-Ewropa, b’udjenza kbira fuq livell internazzjonali.
Is-semi-finali tal-Waterpolo Champions League se jaraw lil erba’ klabbs prestiġġjużi mill-Ewropa jikkompetu kontra xulxin. Dawn kollha għandhom storja kbira fil-kompetizzjonijiet Ewropej u nazzjonali rispettivi tagħhom. Dan jagħmel l-edizzjoni ta’ din is-sena waħda mill-aktar kompetittivi li qatt rat Malta.
It-timijiet li se jieħdu sehem huma VK Novi Beograd tas-Serbja, CN Athletic Barceloneta ta’ Spanja, Ferencvaros TC tal-Ungerija u CN Marseille ta’ Franza.
VK Novi Beograd għandhom reputazzjoni qawwija bħala wieħed mill-aqwa klabbs tal-waterpolo fil-Balkani, b’suċċessi riċenti kemm fil-kampjonati lokali kif ukoll fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Huma magħrufa għall-istil ta’ logħob intens tagħhom.
CN Atlètic-Barceloneta hu wieħed mill-aktar klabbs rebbieħa fi Spanja, b’esperjenza vasta fuq livell Ewropew. Il-klabb jispikka għad-dixxiplina tattika tiegħu u l-konsistenza fl-istil ta’ logħob.
Ferencváros TC huma r-rebbieħa tal-edizzjoni li għaddiet tal-Champions League li saret f’Malta, u se jkunu qed jirritornaw biex jiddefendu t-titlu tagħhom. Huma magħrufa għall-fisika, il-veloċità u l-kreattività fil-pixxina.
CN Marseille hu l-aktar tim b’unuri fi Franza, bi storja rikka ta’ suċċessi. Għandhom għadd ta’ plejers internazzjonali u huma magħrufa għal-logħob dinamiku u koordinazzjoni eċċellenti.
Jiem qabel dan l-avveniment tkellimna mal-president tal-ASA Karl Izzo u l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.
Il-president tal-ASA esprima s-sodisfazzjon u l-kburija tiegħu li Malta se tkun il-pajjiż ospitanti għall-erba’ klabbs top fil-waterpolo dinji, hekk kif il-fażi finali tal-Champions League se ssir fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju u l-Ħadd 1 ta’ Ġunju 2025. Dan l-avveniment internazzjonali jġib miegħu livell ġdid ta’ prestiġġju, visibilità u reklamar għal Malta, kemm bħala nazzjon ospitanti kif ukoll bħala ċentru sportiv Ewropew u Mediterranju.
“Din hija konferma ċara li Malta, minkejja d-daqs tagħha, kapaċi toħloq, tospita u tmexxi avvenimenti ta’ klassi dinjija,” qal il-President tal-ASA.
“Għandna nazzjon żgħir imma b’impenn kbir u ħidma bla waqfien, u dan qed jitfa’ dawl ġdid fuq kemm għandna potenzjal sportiv, turistiku u organizzattiv.”
L-edizzjoni tal-2025 taċ-Champions League hija t-tieni minn tliet snin konsekuttivi li fihom Malta qed tospita din il-kompetizzjoni prestiġjuża, grazzi għall-appoġġ immedjat u totali li wasal minn SportMalta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport, kif ukoll VisitMalta.
Il-kompetizzjoni ilha titħejja b’xogħol kontinwu ta’ ġimgħat sħaħ, fejn il-Kumitat Organizzattiv mmexxi minn Mark Cutajar, CEO ta’ SportMalta, baqa’ jiltaqa’ kull ġimgħa sabiex jiżgura li kollox ikun organizzat sal-aħħar dettall.
“Is-sena l-oħra għamilna suċċess. Din is-sena rridu mmorru pass ’il fuq – edizzjoni ferm aktar spettakolari, teknoloġikament avvanzata u li tħalli impatt dejjiemi,” qal Cutajar.
L-organizzazzjoni tinkludi logħob bejn l-aqwa erba’ klabbs Ewropej, li mistennija jiġbdu mijiet ta’ partitarji barranin u eluf ta’ telespettaturi, spettaklu awdjoviżiv ta’ livell għoli, b’disa’ kameras HD madwar il-pixxina, effetti speċjali u trasmissjoni f’aktar minn 40 pajjiż.
Se jkun hemm ukoll ‘Fan zone’ b’attivitajiet għall-familji, mużika live, stands ta’ ikel u drinks, kif ukoll daqq tal-innu nazzjonali u wirjiet tan-nar waqt il-finali.
Għall-ewwel darba, l-avveniment qed jara trasformazzjoni teknoloġika sħiħa tal-Pixxina Nazzjonali, b’investiment ta’ €153,000 f’sistema ġdida ta’ dawl – b’mod speċjali għall-partiti tal-finali u s-semi-finali.
Id-dawl il-ġdid mhux biss jgħin għall-kwalità tar-riklam fuq il-midja internazzjonali, iżda jippermetti logħob b’mod sigur, ċar u spettakolari fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew bil-lejl. Barra minn hekk, hemm pjani għal stands ġodda, aktar spazju għall-pubbliku u żoni VIP.
Grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Transport Malta u LESA, se jkun hemm sistema organizzata ta’ parkeġġ u drop-off zone ta’ taxis u trasport ieħor għal dawk li se jattendu. Il-parkeġġ prinċipali se jsir fil-ground tal-Università u quddiem Gate St Monica, iż-żona se tkun magħluqa għat-traffiku madwar il-pixxina. Dan sabiex ikun evitat konġestjoni u jiġu offruti livelli għolja ta’ sigurtà u konvenjenza għall-pubbliku.
Appell importanti qed isir lill-partitarji u spettaturi kollha biex jaslu kmieni, sabiex jevitaw kjuwijiet u konġestjoni fil-ħinijiet kritiċi.
Il-benefiċċji għall-pajjiż imorru ferm lil hinn mill-isport biss. Dan l-avveniment se jattira eluf ta’ viżitaturi (atleti, partitarji u delegazzjonijiet). Fl-istess waqt se joħloq riklam dirett ta’ miljuni ta’ ewro fuq skala internazzjonali,
Bla dubju se jġib miegħu espansjoni turistika, b’lukandi, restaurants u ħwienet li jgawdu wkoll u jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru Mediterranju għall-isport internazzjonali.
Il-president tal-ASA ta rikonoxximent speċjali lill-Ministru Clifton Grima, għall-viżjoni u l-appoġġ tiegħu, SportMalta, b’mod speċjali lill-CEO Mark Cutajar u Chairman Matthew Pisani, VisitMalta, għall-impenn promozzjonali u lill-voluntiera kollha li qed jagħmlu dan kollu possibbli.
“Qed nibnu legat – mhux biss avveniment wieħed, iżda kontinwità, struttura u esperjenza li se tkompli tissemma’ fil-futur tal-isport f’Malta,” temm jgħid.
Sadanittant saru magħrufa wkoll aktar informazzjoni dwar il-biljetti biex wieħed jidħol għal dan l-avveniment.
Aktar qabel se jkun hemm il-Malta Cup, turnew bejn l-ewwel erba’ timijiet li jikklassifikaw fil-kampjonat tal-waterpolo. Mark Cutajar fisser dan it-turnament bħala prova tajba biex wieħed jara kif jiżvolġi l-logħob u anke l-organizzazzjoni għall-avveniment l-ieħor kbir.
Il-Final Four tal-LEN Champions League fil-waterpolo se jsir fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, bil-logħbiet tas-semifinali li se jittellgħu fil-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju 2025, u l-finali li tintlagħab nhar il-Ħadd, 1 ta’ Ġunju 2025. Il-biljetti għall-avveniment huma disponibbli fuq is-sit elettroniku, www.showshappening.com.
Barra mill-kompetizzjonijiet, se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet bħal mużika u divertiment live, stands ta’ ikel, preżentazzjonijiet, daqq tal-innu Malti u divertiment minn Tikka Banda, kif ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar biex jipprovdu esperjenza memorabbli u eċċezzjonali għall-udjenza kollha li se tkun fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.