Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment favur il-komunità kollha ġewwa Birżebbuġa Aquatic Club. Permezz ta’ dan l-investiment, il-klabb ġie mgħammar b’sistema moderna ta’ heat pumps u b’kopertura ġdida għall-pixxina, sabiex l-ilma jinżamm f’temperatura adattata matul is-sena kollha. Dan se jippermetti lill-atleti, lill-membri tal-klabb u lir-residenti taż-żona jagħmlu użu minn din il-faċilità matul is-sena kollha.
Il-Prim Ministru Abela sostna kif dan il-proġett jixhed l-impenn kontinwu tal-Gvern li jimplimenta proġetti ta’ kwalità fil-kamp sportiv u għall-ġid tal-komunità. Huwa nnota b’sodisfazzjon kif dan l-investiment jirrifletti s-sinerġija bejn diversi entitajiet fosthom id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Sport Malta, ir-rappreżentanti ta’ dan il-klabb sportiv u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Riżultat ta’ din l-kollaborazzjoni l-firxa ta’ benefiċċji ġġenerati minn dan l-investiment se twassal biex din l-unika pixxina fuq barra fin-Nofsinhar ta’ Malta li issa hija wkoll heated tkun aċċessibbli wkoll għar-residenti ta’ Birżebbuġa fi ġranet u ħinijiet speċifiċi. “Dan jagħmel il-proġett wieħed verament komunitarju, li jsaħħaħ l-attività soċjali u sportiva f’lokalità,” tenna l-Prim Ministru.
Dr Abela nnota ukoll kif dan il-proġett mistenni jġib benefiċċji finanzjarji sostanzjali għall-klabb, li sa issa kien ikollu jħallas biex juża pixxini oħrajn matul ix-xhur tax-xitwa. Il-fondi li kienu jintefqu għal dan l-iskop issa jistgħu jiġu investiti direttament fil-klabb, biex jissaħħaħ l-operat tiegħu u tiġi ggarantita sostenibbiltà finanzjarja fit-tul.
Din l-inizjattiva tkompli tikkonferma kif il-komunitajiet lokali jinsabu fiċ-ċentru tal-viżjoni u l-ħidma politika tal-Gvern. Dan flimkien mar-rieda politika li jsir investiment kontinwu f’Birżebbuġa biex jiġu rranġati u mtejba deċiżjonijiet tal-passat u biex jinħoloq futur aħjar għar-residenti.
Il-Prim Ministru saħaq kif dan il-proġett jimxi id f’id ma’ inizjattivi oħrajn li qed jieħu l-Gvern f’din il-lokalità, bħal dak tar-riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa, li se jitwettaq b’investiment ta’ €12-il miljun u li mistenni jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla, proġett li se jkun qed jagħti lill-poplu ħames spazji miftuħa ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia rrimarka kif in-Nofsinhar ta’ Malta, permezz ta’ dan il-proġett għall-ewwel darba għandu pixxina li tista’ tintuża s-sena kollha u mhux fix-xhur tas-sajf biss. Kompla jgħid li dan l-investiment se jkun servizz ġdid għar-residenti Birżebbuġin u dawk tal-madwar li jkollhom bżonn jużaw il-pixxina bħala mezz terapewtiku.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia saħaq kif fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet, id f’id mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet tal-lokal ħadem qatigħ biex isiru numru ta’ proġett li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent isbaħ u aktar sigur għall-komunità ta’ Birżebbuġa u r-residenti tal-madwar. “Dan l-impenn ser ikompli jissaħħaħ, hekk kif il-bidu tas-sena li ġejja, apparti li tibda r-riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa hemm ukoll il-bini ta’ post ġdid għall-klabb tar-regatta. Dawn huma proġetti li se jfissru investiment dirett fir-residenti.”


