Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, b’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq is-Settur tal-Ġustizzja, qiegħed jiċċara s-segwenti fatti.
Tul dawn l-aħħar sentejn l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għamlet investiment kontinwu u bla preċedent kemm infrastrutturali, kif ukoll fir-riżorsa umana. Xhieda ta’ dan hija l-allokazzjoni ta’ €60 miljun għas-settur tal-ġustizzja fl-aħħar Budget, li mhux biss ifisser żieda ta’ 21% mis-sena 2023 iżda dik l-allokazzjoni hija ta’ kważi erba’ darbiet aktar minn dak allokat fil-passat.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fakkar li bil-proġett magħruf bħala tal-Ferjol, il-binja se tiġi riġenerata f’Qorti tal-Kriminal, b’investiment totali ta’ ’l fuq minn €5 miljun. It-tender għal dan il-proġett ġie maħruġ fit-12 ta’ Jannar, u qiegħed fil-proċess tal-aġġudikazzjoni.
Din il-binja ser issarraf fi tliet awli mgħammra bl-aħħar teknoloġija, sigrieti tal-imħallfin u numru ta’ uffiċini għall-ħaddiema li jassistu lill-ġudikatura. Din il-binja ser ikun fiha wkoll ir-reġistru tal-kriminal, kif ukoll kunċett innovattiv għal pajjiżna, dak ta’ żona speċjalizzata għall-vittmi. Din iż-żona ser tkun aċċessibbli għall-vittmi biss u ser ikollha entratura differenti biex ikun assigurat l-aħjar protezzjoni possibbli.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li oltre għal dan il-proġett, l-Aġenzija żiedet Awla addizzjonali fil-Qorti tal-Familja u sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ biex din il-binja tkun l-ewwel binja Grade A Energy fi ħdan l-aġenzija, kif ukoll Awla addizzjonali għall-ġurijiet fil-Qorti prinċipali.
Dan flimkien ma’ żieda ta’ uffiċini ġodda għall-ġudikatura, il-ħaddiema li jassistuhom, kif ukoll uffiċċju għall-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat. Ġie installat ukoll apparat teknoloġiku biex tissaħħaħ il-qalba diġitali, inkluż document camera, sistema ta’ audio u video conferencing u sistema ta’ WI-FI ġdida.
Il-ministru tenna li dan l-investiment infrastrutturali kien kumplimentat b’tisħiħ tar-riżorsi umani, fejn l-aħħar sentejn raw l-akbar żieda ta’ numru ta’ ġudikatura fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan wassal ukoll biex tkun maħluqa s-sezzjoni ta’ maġistrati inkwerenti speċjalizzati fuq l-inkjesti biss.
Pass storiku li ħaddieħor kien biss kapaċi jitkellem dwaru u dan il-gvern wettqu. Il-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, li llum qed igawdu minn ftehim kollettiv li tejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom, jammontaw għal 540, 42% aktar minn meta mqabbel ma’ qabel l-2013. L-impenn huwa wieħed kostanti li ntejbu l-kundizzjonijiet ta’ kull min huwa involut fil-proċess ġudizzjarju u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fi ħdan l-aġenzija.
Il-ministeru wkoll jinnota li b’differenza mis-sitwazzjoni preċedenti, il-Qorti għandha ingaġġati magħha numru sostanzjali ta’ professjonisti li jservu bħala 29 court attorneys, 48 judicial assistants u principal legal officer, jiġifieri total ta’ 78 avukat ingaġġat biex jassistu l-ġudikatura.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin il-gvern ser ikompli jressaq riformi leġiżlattivi li jsaħħu l-effettività u l-effiċjenza, kif ukoll ser iħabbar aktar proġetti infrastrutturali u diġitali biex bil-fatti nkomplu ninvestu u nwettqu l-pjan tal-gvern fis-settur tal-ġustizzja.