Thursday, November 28, 2024

INVESTIMENT LI JKOMPLI JTEJJEB IL-LIVELL TAL-KARNIVAL MALTI

Aqra wkoll

Il-Karnival ta’ Malta fetaħ is-separju tiegħu għall-ħamest ijiem li ġejjin, ilbieraħ. Din is-sena wkoll il-Karnival jidher li se jkun suċċess bħalma kien fis-snin imgħoddija, sew bl-attendenza tan-nies kif ukoll bil-kwalità għolja ta’ karrijiet, kumpaniji taż-żfin u maskaruni. Dan jirrifletti li l-Karnival f’pajjiżna għadu ferm għal qalb il-Maltin u kif ukoll tad-dilettanti li jaħdmu għal sigħat twal matul is-sena kollha biex ikollhom prodott aqwa milli kellhom qabel.

Dan ukoll jirrifletti kemm il-Gvern qed isostni l-kultura tal-Karnival bl-għajuna li jagħti minn żmien għal żmien. Niftakru li s-sena l-oħra, il-Gvern kien investa xejn inqas minn €1.2 miljun fi tractors u trailers biex jintużaw fil-ġarr tal-karrijiet waqt il-Karnival. Dan juri biċ-ċar kif il-Gvern jemmen f’din l-espressjoni kulturali li tant hija b’saħħitha u popolari mhux mal-Maltin biss imma anke mal-barranin li nzertaw pajjiżna matul dawn il-jiem. 

Ta’ min jinnota wkoll li minbarra l-flus li l-Gvern qed jinjetta fil-Karnival, jinsab fi proċess ukoll li japplika għall-fondi Ewropej taħt il-pakkett il-ġdid allokat għal Malta, biex pajjiżna wkoll ikollu villaġġ dedikat għall-Karnival. Jekk jinkisbu dawn il-fondi jkun ta’ soljev għad-dilettanti tal-Karnival li b’hekk ikollhom post fejn jaħdmu meta niftakru li l-Karnival ta’ Malta jiġi fi Frar, xi kultant mhedded minn riħ qawwi u maltemp.

Nemmnu wkoll li jekk ikollna Villaġġ tal-Karnival, li jinkludi mużew, dan se joħloq attrazzjoni oħra għat-turisti li jżuru Malta s-sena kollha. Id-dilettanti tal-Karnival ħaqqhom li jkollhom dan il-proġett, li se jkun qed jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti infrastrutturali li diġà ġew imwettqa fis-settur kulturali. 

M’aħniex nippretendu li l-karnival Malti huwa fil-livell tal-Karnival ta’ Venezja u ta’ postijiet oħra imma meta jitqies iċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, il-poplu Malti għandu biex ikun kburi bil-Karnival tiegħu. Karnival li jmur mijiet ta’ snin, għal żmien il-Kavallieri.

Għandna biex niftaħru wkoll li d-dilettanti tal-Karnival huma verament artisti ta’ livell għoli u dan il-ġurnal jemmen li jixirqilhom aħjar, kif bla dubju se jingħatalhom.

Sport