Tuesday, November 12, 2024

“Investiment privat li jixhed il-fiduċja fil-ħidma tal-Gvern” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna inawguraw uffiċini ġodda tal-AIB Insurance Brokers Ltd f’Santa Venera b’investiment ta’ €1.5 miljun.

Din il-kumpanija tal-assigurazzjoni, li twaqqfet fl-2002, illum qiegħda tħaddem 20 ħaddiem – ilkoll kwalifikati sabiex jaqdu bl-aqwa kapaċità l-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom. Il-proprjetà hija maqsuma fuq tliet sulari u tinkludi diversi spazji għal-laqgħat, uffiċini miftuħa u oħrajn magħluqa, kif ukoll bitħa u ġnien mill-isbaħ.

Il-Prim Ministru ltaqa’ mal-istaff tal-kumpanija u awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom minkejja l-isfidi li kulħadd kellu jaffaċċja. “Proġett bħal dan juri kemm kumpaniji privati f’pajjiżna għandhom fiduċja fil-ħidma tal-Gvern. Mhux biss qegħdin tqawwu l-investiment lokali imma attwalment dan qed jissarraf fi tkabbir ekonomiku li jkun tal-aqwa kwalità, filwaqt li jassigura t-trasparenza u l-professjonalità fix-xogħol li tagħmlu,” qal Dr Abela.

Wara proġett estensiv ta’ rinovazzjoni u tranġar fuq bini mill-isbaħ f’Santa Venera, Ramon Mizzi, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, qal li din il-binja se tirrappreżenta l-valuri ewlenin tal-kumpanija; l-eċċellenza, id-dedikazzjoni u l-kompetenza. “Meta beda x-xogħol, konna għadna fil-bidu tal-pandemija u kien propju għalhekk li ħadna l-opportunità sabiex nadattaw l-ispazji tax-xogħol għan-normalità l-ġdida li qed ngħixu fiha llum il-ġurnata,” qal is-Sur Mizzi.

Żied jgħid li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ma setax ikun ta’ suċċess kieku ma sarx investiment miż-żgħażagħ infushom li jagħżlu din il-professjoni bħala l-għażla tal-karriera tagħhom. In-numru kbir ta’ żgħażagħ li qed jidħlu f’dan is-settur u ta’ dawk li qed ikomplu l-edukazzjoni tagħhom sal-livell terzjarju huwa inkoraġġanti ferm għall-futur.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li tara operaturi fl-industrija tal-assigurazzjoni jikkunsidraw aktar investiment fis-settur. Dan jikkontribwixxi għal iktar tkabbir ekonomiku u kif ukoll ħolqien ta’ aktar impjiegi. Il-Ministru Scicluna spjega li s-settur tal-assigurazzjoni matul dawn l-aħħar snin kiber u attira lejn pajjiżna investimenti minn diversi pajjiżi. Tant hu hekk li llum il-ġurnata nsibu 68 kumpanija tal-assigurazzjoni liċenzjata f’Malta, b’assi li jammontaw għal €13.8 biljun. Dan jawgura tajjeb għall-ekonomija kollha.

Ekonomija

Sport